Il-Libjan u ż-żewġ nisa li kienu qegħdin jiġu investigati b’rabta mal-qtil ta’ Mario Farrugia ħarġu bil-police bail u dan għaliex mill-investigazzjonijiet li saru sa issa rriżulta li ma kellhomx sehem fil-każ. Madankollu minkejja li ma nkwadrawx il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar dan il-qtil makabru.
Sa mill-bidu tal-investigazzjonijiet kien Elliot Paul Busuttil ta’ 38 sena, residenti Ħ’Attard li kien qed jiġi meqjus bħala l-persuna ewlenija għall-Pulizija b’dan il-qtil makabru tal-vittma ta’ 62 sena minn Pembroke. Bustill tressaq il-Qorti l-Ħamis u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u nżamm arrestat.
Minn informazzjoni li għandu NET News mill-istħarriġ li għamlu l-Pulizija t-tliet persuni l-oħra li kienu wkoll jafu lil Elliot Paul Busuttil sa issa ma inkwadrawx f’dan id-delitt. Huma iżda jridu joqgħodu għall-ordnijiet tal-Pulizija u jekk meħtieġ imorru d-Depot biex jiġu mistoqsija fuq il-każ.
Kien kmieni wara nofsinhar ta’ nhar it-Tlieta 5 ta’ April li Mario Farrugia ta’ 62 sena nstab mejjet f’bagoll ta’ karozza pparkjata fil-Wied ta’ Ħal Qormi. Huwa kien ilu numru ta’ ġranet imsakkar fil-bagoll tal-karozza tiegħu stess bil-każ ikun żvelat wara li kien hemm persuna li għamlet rapport lill-Pulizija li kienet ħierġa riħa tinten mill-karozza.
Wara rriżulta li Farrugia kien fi stat profond ta’ dekompożizzjoni u li kien inqatel wara li qala’ diversi daqqiet ta’ sikkina u liema delitt seħħ x’imkien ieħir u mhux fil-Wied ta’ Ħal Qormi fejn kien instab. Huma l-Ispetturi Wayne Camilleri, Jean-Paul Attard u Kurt Zahra li ħadmu u li għadhom jaħdmu bla heda biex isolvu l-każ.