Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russja qed iżżomm lura d-dettalji dwar l-għarqa tal-‘Moskva’

L-għarqa, sigħat ilu, tal-‘Moskva’, il-bastiment ewlieni – jew flagship – tal-Flotta Russa fil-Baħar l-Iswed qed tidher li embarazzat bil-kbir lill-Kremlin li għadu jagħmel il-kalkoli tad-disfatti militari li sofra s’issa, waqt l-invażjoni tal-Ukrajna.

Il-Kremlin bl-ebda mod ma jrid jaċċenna għall-fatt li l-għarqa tal-vapur kienet ikkaġunata minn żewġ missili tat-tip ‘Neputune’ li kienu sparati lejh nhar il-Ħamis fost il-konsegwenzi devastanti għal dan il-bastiment ikoniku.

Sadanittant, l-Ukreni qed jiċċelebraw l-għarqa tal-vapur inkwistjoni bħala wieħed mill-akbar kisbiet militari mill-bidu tal-invażjoni ta’ pajjiżhom mit-truppi tal-Kremlin. Fil-fatt, l-Ukreni qed jaħsbu wkoll biex joħorġu bolla kommemorattiva tal-għarqa tal-‘Moskva’.

L-Ukrajna fl-istess ħin qed tinsisti li l-battle cruiser ‘Moskva’ għereq fil-Baħar l-Iswed wara li ntlaqat ‘direttament’ mill-missili sparati lejh.

Min-naħa tagħha, ir-Russja ħarġet b’versjoni differenti, fejn qed tgħid li l-għarqa kienet dovuta għal nirien li qabdu fuq il-bastiment u li rriżultaw fl-isplużjoni tal-munizzjon ta’ fuqu.

Irrispettivament minn kif seħħet l-għarqa, it-telfa tal-‘Moskva’ hi waħda sinifikanti u ferm umiljanti għall-President Russu Vladimir Putin, li qal kemm il-darba li l-kampanja militari speċjali tal-qawwiet tiegħu fl-Ukrajna kienet miexja eżattament skont il-pjan tal-Kremlin.