It-telfa tal-bastiment ‘Moskva’ qed jitqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira għall-kampanja militari tar-Russi fl-Ukrajna. Din hi wkoll l-ewwel darba li għereq vapur tal-gwerra tar-Russja minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.
L-għarqa tal-vapur hu importanti għal raġunijiet militari u speċjalment għall-moral tal-Ukreni li qed jirreżistu għall-azzjonijiet militari tar-Russja. Dan meta l-‘Moskva’, battle-cruiser minn żmien l-Unjoni Sovjetika, ilu jservi bħala l-bastiment ewlieni (flagship) tal-Flotta tal-Baħar tar-Russi fil-Baħar l-Iswed mill-2000.
Il-‘Moskva’ kien ilu – flimkien ma’ bastimenti oħra – jhedded il-port Ukren ta’ Odessa mill-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna.
L-Ukreni, sadanittant, kellhom ‘ir-raġunijiet personali’ biex jaraw dan il-vapur mgħarraq wara li l-ekwipaġġ ta’ fuqu kien spara għal fuq grupp ta’ suldati Ukreni fuq gżira li kienu rrifjutaw l-ordni biex iċedu …Dan il-każ kien fost l-ewwel inċidenti li ġibed l-attenzjoni tad-dinja fil-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna.
U f’termini akrtar prattiċi, l-għarqa tal-‘Moskva’ qed tidher li wasslet għall-bidliet fl-istrateġiji tan-Navy Russa – u meta l-bastimenti tal-gwerra tal-Kremlin qed jirtiraw lejn zoni aktar imbiegħdin mill-kosta tal-Ukrajna.
Kwalunkwe bastiment fid-dinja indikat bħala flagship hu l-aktar vapur importanti ta’ kwalunkwe flotta navali.
Sadanittant, mhemm l-ebda dubju l-‘Moskva’, li mexxa l-Flotta fil-Baħar l-Iswed għal daqstant snin, kien is-simbolu ewlieni tal-qawwiet tal-baħar Russi minbarra li kien ilu ‘xewka kontinwu għall-Ukrajna mill-bidu tal-invażjoni’.
Dan il-bastiment iddebutta fis-servizz fl-ewwel parti tas-snin tmenin u wara li kien inbena fl-Ukrajna proprja – li dak iż-żmien kienet tifforma parti mill-eks Unjoni Sovjetika komunista.
Hu minnu wkoll li l-‘Moskva’, fl-aħħar snin, kellu rwol importanti f’numru ta’ kampanji militari tar-Russja – inkluż il-konflitt tas-Sirja.
//= $special ?>