Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Milquta faċilità għall-produzzjoni tal-missili barra Kiev

Il-qawwiet tar-Russja qalu li sparaw il-missili lejn faċilità barra l-kapitali Ukrena li tipproduċi l-missili għal kontra l-vapuri u l-ajruplani u li dan l-attakk irriżulta fi ħsarat sostanzjali għall-impjant inkwistjoni.

Il-Ministeru tad-Difiża Russu issa qal li l-attakki se jintensifikaw fil-jiem li ġejjin. Dan meta r-Russi qegħdin jakkużaw lill-Ukreni dwar  atti ta’ sabutaġġ u anki ‘attakki terroristiċi’ fir-Russja.

Numru ta’ sorsi li tkellmu dwar l-attakk fuq il-faċilità fi Kiev qalu li numru ta’ missili cruise li kienu sparati minn fuq il-baħar laqtu l-impjant inkwistjoni li ilu żmien jipproduċi l-missili għal kontra l-bastimenti u s-sistemi ta’ difiża għal kontra r-rejds mill-ajru.

Ir-Russi, wara, qalu li fl-attakk inqerdu l-workshops tal-faċilità fejn kienet għaddejja l-produzzjoni tal-missili għal fuq id-distanzi medji u għal distanzi fit-tul.

Dan meta r-rabja tar-Russi qed tidher aktar evidenti minħabba d-disfatti kontinwi li qed isofru f’din il-gwerra li ilha għaddejja mill-24 ta’ Frar. Fl-istess ħin, il-Kremlin qed iwiegħed ritaljazzjoni għal allegati rejds li jingħad li twettqu mill-attack helicopters tal-Ukreni fuq xi bliet tar-Russja.