Rapport: Stewart Said
MALTA………………… 9
RENJU UNIT……….. 6
(4-3), (2-1), (2-0), (1-2)
Tkompli l-katina ta’ kwalifikazzjonijiet tat-timijiet nazzjonali Maltin fil-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej. Issa kien imiss lit-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena li se jerħilha lejn Podgorica fil-Montenegro biex bejn it-18 u l-25 ta’ Settembru jikkompeti mal-aqwa 16 tal-Ewropa.
Il-kwalifikazzjoni waslet wara rebħa ta’ 9-6 fit-tieni logħba tal-grupp kontra l-Gran Britannja. Kollox ma’ kollox ir-rebħa kienet meritata iżda r-riżultat seta’ kien akbar kieku ż-żgħażagħ Maltin lagħbu skont il-potenzjal li kapaċi joffru.
It-tim Malti kien kostrett li jirkupra minn żvantaġġ doppju. Iżda minn distakk ta’ 3-1, Malta dawret ir-riżultat bi tliet gowls konsekuttivi. L-ewwel kien Matthew Mifsud li kkonkluda azzjoni kordinata, Alec Fenech ġab id-draw minn penalty u Mark Castillo poġġa lill-Maltin minn fuq b’konklużjoni mis-centre.
L-andament fit-tieni sessjoni baqa’ l-istess, bit-tim Malti jibqa’ ftit aħjar mill-avversarji iżda d-distakk seta’ kiber aktar kieku ż-żgħażagħ kellhom aktar konċentrati fl-attakk. Daniel Rizzo u Gianni Farrugia skorjaw il-gowls Maltin, b’Charles Kingsmill inaqqas id-distakk bejn il-gowls Maltin.
Il-mument deċiżiv tal-logħba seħħ fil-bidu tat-tielet sessjoni. Jayden Cutajar bl-ewwel xutt tas-sessjoni u Mark Castillo minn kontrattakk, kabbru l-vantaġġ għal 8-4 fl-ewwel minuti tas-sessjoni. Dan ir-riżultat poġġa lit-tim Malti fil-kontroll u baqgħu jfallu l-okkażjonijiet fl-attakk, kienu kompatti biżżejjed biex innewtralizzaw lill-Britanniċi.
Il-Britanniċi baqgħu jemmnu li setgħu jirkupraw u fl-aħħar sessjoni żiedu l-pressjoni fuq il-Maltin. Iż-żewġ gowls minn Francis Quinn u Tom Simpson qatgħu d-distakk għal 8-6. F’mumenti minnhom, iż-żgħażagħ Maltin ħassew ftit il-pressjoni iżda l-gowl minn man-up ta’ Daniel Rizzo witta t-triq għar-rebħa. Kif mistenni ma’ tmiem il-logħba, bdew iċ-ċelebrazzjonijiet Maltin, iżda mhux qabel battibekki mill-plejers Britanniċi mal-Maltin kważa tat-telfa li sofrew.
Malta: A. Bugeja, M. Mifsud (1), D. Tully, D. Rizzo (2), J. Cachia (1), R. Caruana, J. Cutajar (1), M. Castillo (2), K. Borg, J. Bonavia, A. Fenech (1), G. Farrugia (1), G. Vassallo
Renju Unit: M. Byrne, R. Inman, F. Quinn (2), A. Lecomber (1), H. Dunkerley, H. Bentham, C. Kingsmill (1), D. Day, O. Vodden, T. Simpson (2), C. Bradley, J. Blenkinship, A. Ganguli
Referees: Archades Ovanezian (Bulgarija), Alexandru Mustata (Rumanija)
Riżultati
Ilbieraħ: Olanda v Renju Unit 20-4. Malta v Finlandja 22-6
Illum: Olanda v Finlandja 29-3, Malta v Renju Unit 9-6
Għada: Finlandja v Renju Unit 10.00am, Malta v Olanda 11.30am
//= $special ?>