Lokali

It-tradizzjoni tas-seba’ visti… tradizzjoni li issa daħlet sew fil-qalb ta’ ħafna Kattoliċi

Id-devozzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi matul dan iż-żmien tas-sena tibqa’ waħda kbira, fejn tilħaq il-qofol tagħha fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka kif ukoll fin-nofstanhar ta’ filgħodu tal-Ġimgħa l-Kbira meta jsiru dawk li jissejhu s-seba’ visti.

Tradizzjoni li issa daħlet sew fil-qalb ta’ ħafna Kattoliċi li għal ftit mumenti, jieqfu mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum u jqattgħu ftit ħin ta’ riflessjoni u talb. 

Il-ġabra tal-poplu Malti tidher waqt il-funzjonijiet quddiem is-sepulkru u jduru s-seba’ visti f’seba’ knejjes differenti. Is-seba’ visti fihom sinjifikat partikolari, hekk kif dawn juru s-seba’ stazzjonijiet li Kristu għadda minnhom… mill-aħħar ċena sat-tisliba fuq l-għuda tas-salib.

Il-knejjes ikunu armati b’mod sempliċi ħafna, fejn jispikka d-damask u fuq kollox is-sepulkru – altar sekondarju li jintrama apposta u jiżżejjen bi fjuri u xemgħat biex jilqa’ s-Sagrament.

Filfatt il-ġrajja tal-eżekuzzjoni ta’ Kristu, akkumpanjata minn sfond ta’ mużika Gregorjana u d-damask ta’ kulur skur fil-knejjes tqanqal fost ħafna sensazzjoni ta’ dieqa.

Sadattant ħafna, apparti s-seba’ viżti jżuru d-diversi wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira li jsiru, kemm fi djar privati kif ukol tal-għaqdiet differenti tal-lokal.

U f’dan il-jum jispikka n-nuqqas tal-ħoss tal-qniepen filwaqt li jinstema’ l-ħoss taċ-ċuqlajta li tfakkar fin-niket li għadda minnu Ġesù f’dan il-jum.

Iċ-ċuqlajta tindaqq għall-ewwel darba waqt iċ-ċerimonja simbolika tal-ħasil tas-saqajn li ssir f’Ħamis ix-Xirka u tibqa’ tindaqq waqt il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira u anke f’Sibt il-Għid sakemm għall-ħabta tat-tmienja ta’ filħaxija jerġgħu jindaqqu l-qniepen fil-knejjes Maltin u Għawdxin.