Mijiet attendew il-mixja annwali b’risq Puttinu Cares li saret il-bieraħ filgħaxija f’Ħamis ix-Xirka.
Dawk li pparteċipaw taw donazzjoni ta’ €10 fejn uħud bdew il-mixja mill-Mellieħa u oħrajn mill-Mosta, bil-parteċipanti spiċċaw il-mixja fil-Qawra. Fis-sentejn li għaddew, il-mixja kellha titħassar kaġun tal-pandemija.
Din kienet is-7 edizzjoni, mixja li saret ftit sigħat ‘il bogħod mill-maratona ġbir ta’ fondi li se ssir illum.
Kull xahar, madwar 80 pazjent jitla’ l-Ingilterra għal trattament varju. Huma joqgħodu f’wieħed minn 20 appartament ta’ Puttinu f’Sutton. Sfortunatament, dawn l-appartamenti jinsabu madwar sagħtejn ‘il bogħod mill-isptarijiet li jmorru fihom il-Maltin.
Hu għalhekk li llum se ssir maratona ġbir ta’ fondi biex jinbnew appartamenti oħra biswit l-isptarijiet.
Il-maratona se tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha fosthom Net Television mill-10 ta’ filgħodu sat-3 ta’ waranonfsinhar… u mid-disa’ ta’ filgħaxija sa nofsillejl.