Futbol Sport

Milan u Inter jibqgħu jikkonvinċu

(Ritratt: EPA)

F’SanSiro Milan kisbu rebħa ta’ 2-0 fuq Genoa u żammew posthom fil-quċċata. Milan fetħu l-iskor fil-11-il minuta meta minn cross ta’ Pierre Kalulu kien Rafael Leao li b’konklużjoni b’saħħitha għeleb lil Salvatore Sirigu għal 1-0. Milan kellhom jistennew sas-87 minuta biex iserrħu moħħhom mit-tliet punti meta minn pass ta’ Ante Rebic kien Junior Messias li xeħet fix-xibka, bil-gowl ikun konvalidat wara konsultazzjoni mal-VAR.

Fi Stadio Alberto Picco Inter kisbu rebħa importanti ta’ 3-1 fuq Spezia biex żammew il-pass ma’ Milan f’ras il-klassifika b’69 punt, żewġ punti taħt Milan. Inter marru fil-vantaġġ fil-31 minuta meta Danilo D’Ambrosio niżżel bir-ras lejn Marcelo Brozovic li xeħet fix-xibka għal 1-0. Inter rdoppjaw fit-73 minuta meta minn cross ta’ Ivan Perisic kien Lautaro Martinez li kkonkluda wara Ivan Provedel għal 2-0. Spezia naqqsu l-iskor fit-88 minuta b’xutt mid-distanza ta’ Giulio Maggiore, qabel fid-93 minuta kien Alexis Sanchez li għalaq il-partita għal riżultat finali ta’ 3-1.

(Ritratt: EPA)

SERIE A

Illum: Spezia v Inter 1-3, Milan v Genoa 2-0