F’kundizzjonijiet ta’ riħ ferm qawwi, forza 7, irritornat wara nuqqas ta’ sentejn wara li kienet posposta minħabba l-Pandemija, s-26 Edizzjoni tat-Tour Internazzjonali ta’ Malta taċ-Ċikliżmu li bdiet illum il-Ġimgħa 15 ta’ April fejn inżammet l-ewwel tappa li kienet tikkonsisti f’Individual Time Trail fuq iċ-ċirkwit tal-Coastroad, Salina/Baħar ic-Ċagħak fuq distanza ta’ 15 il-kilometru fuq tliet dawriet. Il-Malti Awstraljan Dan Bonello (Team Oleka) spiċċa l-ewwel fil-Kategorija Elite f’ħin ta’ 22 minuta u 17 sekonda.
Fit-tieni post f’ħin ta’ 22 minuta u 26 il-sekonda daħal il-Franċiż Antoine Magaud (Sprinter Nice Metropole) u ħdax il-sekonda warajh spiċċa l-Isvizzeru Dominic Kunz (Amore e vita – KIBAG-Obor). l-Ingliża Matilde Pauls ta’ 1904RT – UK rebħet din it-tappa fil-Kategorija tan-Nisa f’ħin ta’ 24 minuta u 31 sekonda. Fit-tieni post spiċċat ic-champion Maltija Marie Claire Aquilina tat-tim Greens f’ħin totali ta’ 25 minuta u 46 sekonda. Fit-tielet pożizjoni spiċċat l-Ingliża Jennifer Andrews ta’ 1904RT – UK f’ħin ta’ 26 minuta u 37 sekonda.
Fil-Kategorija Masters ħareġ rebbieħ l-Ingliż Dave Mitchinson ta’ Cinnamon Café Contour Cycles Drunk Race Team – UK f’ħin ta’ 22 minuta u 48 sekonda. Għaxar sekondi warajh daħal il-Malti Etienne Bonello tat-tim Greens, filwaqt li l-Ingliż Martin Lawless (Cycle Club Ashwell) spiċċa t-tielet f’ħin ta’ 23 minuta u 20 sekonda.
Fi tmiem din it-tappa saret il-preżentazzjoni tal-medalji u l-flokkijiet il-ħomor lir-rebbieħa kollha minn Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu li huwa wkoll il-President tal-Kummissjoni tal-Pajjiżi ż-Żgħar fi ħdan l-Unjoni Ewropeja taċ-Ċikliżmu. It-Tour jitkompla għada s-Sibt, b’tiġrija tar-Road li mistennija tkun waħda deċiżiva fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin, tiġrija ta’ 88 kilometru Elite (10 dawriet) u 53 kilometru Nisa u Masters (6 dawriet). Il-bidu tat-tiġrijiet ikun fit-8.00am.
//= $special ?>