Knisja Kultura Lokali

AĠĠORNATA: Jitħassru l-purċissjonijiet kollha tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta u Għawdex

Pajjiżna jintlaqat minn maltemp u riħ qawwi

Fl-aħħar minuti tħabbar li l-purċissjonijiet kollha bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira madwar Malta u Għawdex tħassru minħabba l-maltemp li laqat lil pajjiżna.

Il-Kolleġġjata tan-Naxxar u l-Grupp Organizzattiv tal-Ġimgħa l-Kbira ħabbru li minħabba ċ-ċirkustanzi preżenti ta’ maltemp u wara diskussjoni li fiha ġew studjati kull alternattiva possibbli ttieħdet id-deċiżjoni li l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ma toħroġx.

Fi stqarrija maħruġa fuq Facebook, il-parroċċa Naxxarija rringrazjat lil dawk illi tul dawn l-aħħar ġimgħat ħadmu biex il-purċissjoni setgħet issir. Għalkemm issa, kellha titħassar minħabbar r-riħ.

Net News jista’ jikkonferma li anke fiż-Żejtun tħassret il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Fil-każ taż-Żebbuġ Għawdex, il-parroċċa ħabbret li fi tmiem il-Liturġija, fil-knisja se ssir meditazzjoni dwar kull rappreżentazzjoni tal-vari imħejjija minn Fr. Krystof Buttigieg. Takkumpanja din il-meditazzjoni se jkun hemm il-Banda Santa Marija bid-daqq ta’ Marċi Funebri. Janimaw il-Korijiet Santa Marija u Regina Angelorum.

Sar magħruf ukoll li l-Purċissjoni devota u penitenzjali tal-Passjoni li kellha toħroġ aktar tard illum mill-Bażilika ta’ San Ġorġ f’Għawdex mhix se ssir.

Lokalitajiet oħra li ħassru l-puċissjoni huma Ħal Qormi, il-Bel Valletta, Ħal Luqa u Raħal Ġdid.

S’issa l-uniku żewġ puċissjonijiet li se jsiru huma dawk fil-Mosta u f’Bormla.