Żewġ persuni qed jissieltu għal ħajjithom wara ħabta li seħħet f’Santa Venera bejn żewġ vetturi l-bieraħ għall-ħabta tal-ħamsa neqsin kwart ta’ waranofsinhar.
Iż-żewġ karozzi kienu għaddejjin mit-Triq Reġjonali direzzjoni lejn il-Marsa.
Ix-xufier ta’ waħda mill-karozzi, li għandu 43 sena residenti l-Belt Valletta, ma sofra l-ebda feriti.
Madankollu, iż-żewġ persuni li kienu jinsabu fil-karozza l-oħra, is-sewwieq ta’ 49 sena residenti l-Furjana u l-passiġġier, Taljan ta’ 48 sena residenti l-Fgura, kellhom jinħarġu mill-karozza bl-għajnuna tal-Membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kellhom jaqtgħu l-bibien biex joħorġuhom.
Iktar tard, il-passiġġier u s-sewwieq ittieħdu l-Isptar Mater Dei fejn ġew iċċertifikati li sofrew minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia ġie nfurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.


