F’kummenti lit-Times of Malta, il-Ministru Clyde Caruana kkonferma li se jkomplu jiżdiedu l-prezzijiet ta’ diversi prodotti meta kien kwotat jgħid li qed “nistennew aktar inflazzjoni, iżda ż-żidiet diffiċli biex jiġu kkalkulati.” Dan filwaqt li min iħaddem qed jgħid li l-agħar xenarju jkun dak ta’ taħlita ta’ inflazzjoni u qgħad fl-istess ħin. Dan jista’ jseħħ jekk il-kumpaniji, jew l-ekonomija b’mod ġenerali, jitilfu l-kompetittività minħabba differenzi kbar bejn il-pagi u l-prezzijiet.
Meta fl-aħħar jiem kien qed iwieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti, il-Ministru tal-Finanzi spjega li l-prezzijiet se jkomplu jiżdiedu fix-xhur li ġejjin, iżda saħaq li għadu kmieni wisq biex wieħed ibassar eżatt kemm se tkun iż-żieda. Mistoqsi dwar jekk il-gvern hux se jdaħħal mekkaniżmu biex jistabbilizza l-prezzijiet, Clyde Caruana qal li għadu kmieni wisq biex ikun jista’ jgħid.
Fl-artiklu tagħhom, it-Times jikkwotaw ukoll lid-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA), Joe Farrugia, li minn naħa tiegħu saħaq li m’hemmx dubju li l-prezzijiet se jkomplu jogħlew. Hu stqarr li l-ispejjeż tal-materja prima bażika qed jiġu trasferiti fuq il-konsumaturi meta jixtru l-prodott finali. Din hi tendenza li mistennija tkompli u tista’ saħansitra tmur għall-agħar fix-xhur jew fis-snin li ġejjin bħala riżultat dirett tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, qal id-Direttur Ġenerali tal-MEA. Farrugia żied jgħid li l-impjegati huma mħassba dwar it-tnaqqis fid-dħul disponibbli tagħhom.
Joe Faruggia spjega kif bl-istess mod, min iħaddem qed ikollu jieħu deċiżjonijiet iebsa dwar jekk jassorbiex l-ispiża jew inkella jgħaddihom lill-konsumaturi permezz ta’ prezzijiet ogħla. Hu spjega li jekk il-kumpaniji jagħżlu din tal-aħħar, dan ikompli jkabbar l-inflazzjoni. Farrugia qal li din hija kwistjoni ta’ tħassib kbir, aktar u aktar jekk ir-rati tal-enerġija jiżdiedu fix-xhur li ġejjin.
Mat-Times, id-Direttur Ġenerali tal-MEA saħaq li kemm min iħaddem kif ukoll ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jeħtieġ li jkunu responsabbli fil-mod kif jittrattaw din is-sitwazzjoni. Hu appella lill-Gvern biex jiffoka n-nefqa tiegħu fuq dawk l-aktar vulnerabbli u jassisti lil dawk il-kumpaniji jew setturi li huma l-aktar affettwati aktar milli għajnuna ħal kulħadd bl-istess mod. Skont Farrugia, il-prijorità ewlenija għandha tkun is-salvagwardja tal-kompetittività tal-intrapriżi biex jiġi evitat it-telf tal-impjiegi.
//= $special ?>