Il-Kamra tal-Kummerċ, permezz ta’ stqarrija saħqet fuq l-importanza li min jitfa’ offerta għat-tenders pubbliċi jiġi vverifikat biex tkun aċċertata konformità amministrattiva. Iċ-Chamber saħqet li dan huwa mod effettiv ta’ kif tiġi infurzata l-konformità u fejn ikun aċċertat li fis-suq ma jidħlux operaturi diżonesti.
Fl-istqarrija tagħhom, iċ-Chamber saħqu li filwaqt li l-proċess tat-tendering jinkludi fih rimedji legali għall-kompetituri biex jikkontestaw il-proċess ta’ aġġudikazzjoni, dawk mhux magħżula ftit li xejn għandhom viżibbiltà fuq il-konformità amministrattiva u teknika tal-persuni l-oħra li japplikaw. Huma saħqu li bl-istess mod, il-qrati jistgħu jiddeċiedu biss fuq dawk il-materji li fuqhom joġġezzjonaw il-kompetituri u jibbażaw ruħhom fuq il-provi mressqa minn min joġġezzjona.
Iċ-Chamber tgħid li r-responsabbiltà biex tiġi żgurata konformità sħiħa, u konformità amministrattiva u teknika, taqa’ b’mod dirett taħt id-Dipartiment tal-Kuntratti u l-Awtoritajiet konċernati ma tali proċessi. Dan għaliex it-tnejn għandhom id-dritt li jikkanċellaw kwalunkwe applikazzjoni.
Il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li dikjarazzjonijiet foloz fir-rigward tal-istatus fiskali jew finanzjarju, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxi, in-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji jew il-preżentata ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji li juru pożizzjonijiet serjament insolventi, rapporti ripetuti ta’ prattika ħażina lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, u l-istituzzjoni ta’ proċedimenti kriminali bi serji, għandhom iservu ta’ allarm għall-operaturi.
F’din l-istqarrija l-Kamra tal-Kummerċ appellat lill-Gvern biex ikun verament sensittivi u jaċċerta’ minn governanza tajba. Iċ-Chamber saħqu li l-Gvern irid jaċċerta’ li hu tassew serju dwar l-intenzjonijiet tiegħu li jnaddaf u jgħolli l-livell għaliex hemm bżonn urġenti ta’ kredibilità.
//= $special ?>