Sport Waterpolo

Iż-żgħażagħ Maltin joffru sfida denja kontra t-tim aktar kwotat tal-Olanda

(Ritratt: Michael Paris)

Rapport: Stewart Said

MALTA…………….. 7

OLANDA…………. 12

(2-2), (2-5), (1-3), (2-2)

Wara l-kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena għalaq il-grupp b’telfa kontra l-aqwa tim fil-grupp, l-Olanda. Għalkemm telfa hi telfa, dan ir-riżultat ma jħammarx wiċċ it-tim Malti li kontra oppożizzjoni aktar b’saħħitha, kien fil-logħba għal ħafna mill-ħin. Minkejja t-telfa, din tista’ titqies bħala l-aħjar logħba tal-grupp.

Meta wieħed jikkunsidra li dan il-grupp jista’ jkollu miegħu lil Jake Muscat u Sam Gialanze li ma kinux disponibbli, it-tim Malti għandu marġini ta’ titjib. Forsi l-ikbar ostaklu biex inlaħħqu ma’ dawn it-timijiet, hu l-isfruttament ta’ dettalji żgħar li jagħmlu differenza. Eżempju, il-mod kif jaġixxu meta jkun hemm man-up u l-okkażjonijiet infushom ta’ superjorità numerika. Dan hekk kif minn disa’ okkażjonijiet, it-tim Malti ma skorjax darba filwaqt li l-Olandiżi skorjaw tlieta mis-sitt okkażjonijiet.

It-tim Malti kellu bidu pożittiv hekk kif żamm il-livell mal-avversarji. Kien Mark Castillo li fetaħ l-iskor sakemm Lars Ten Broek u Marnick Snel dawru r-riżultat favur l-Olanda. Iżda Mark Castillo wieġeb immedjatament b’gowl mis-centre. Fl-ewwel sekondi tat-tieni sessjoni, it-tim Malti deher li kien qed iżomm ir-ritmu mal-avversarji. Dan sakemm l-Olandiżi skorjaw tliet darbiet f’minuta u nofs u fetħu distakk ta’ 5-2.

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Gianni Farrugia naqqas id-distakk iżda Ten Broek wieġeb mill-ewwel. Jens Wijgers kabbar il-vantaġġ għal 7-3 lejn tmiem is-sessjoni minn man-up iżda f’dak li jista’ jitqies l-isbaħ gowl tal-logħba, Mark Castillo skorja t-tielet gowl personali meta qabbeż eżatt fuq il-gowlkiper fl-aħħar sekonda.

Dan il-gowl wassal għal fiduċja ġdida fiż-żgħażagħ Maltin li setgħu jirkupraw. Kien hemm aktar minn ċans wieħed li jitnaqqas id-distakk għal żewġ gowls. Iżda kienu l-Olandiżi li ħadu vantaġġ u kabbru d-distakk għal 9-4, distakk li għamilha diffiċli għat-tim Malti biex jirkupra.

Minkejja dan, il-plejers Maltin xorta baqgħu jistinkaw biex jibqgħu viċin kemm jista’ jkun l-avversarji. Kien Alec Fenech li fl-aħħar sessjoni u nofs sab ix-xibka tliet darbiet minn penalties filwaqt li t-tim Malti rnexxielu jikkontrolla kif seta’ biex id-distakk ma kibirx iktar minn ħames gowls.

Malta: A. Bugeja, M. Mifsud, D. Tully, D. Rizzo, J. Cachia, J. Saliba, J. Cutajar, M. Castillo (3), K. Borg, J. Bonavia, A. Fenech (3), G. Farrugia (1), G. Vassallo

Olanda: S. Berkenbosch, T. Zittersteijn, J. Wijgers (2), T. Karel, M. Snel (3), J. Sjardijn (1), L. Ten Broek (3), M. van der Weijden, S. Hageman (2), T. Schouwerwou (1), D. Harreman, T. Ketelaars, K. Scheepens

Referees: Robert Prelovsky (Slovakkja), Alexandru-Andrei Mustata (Rumanija)

Riżultati

Il-Ħamis: Olanda v Renju Unit 20-4, Malta v Finlandja 22-6

Ilbieraħ: Olanda v Finlandja 29-3, Malta v Renju Unit 9-6

Illum: Finlandja v Renju Unit 6-15, Malta v Olanda 7-12