Lokali

Jinġabru €3,133,430 waqt il-maratona ta’ Puttinu

Il-ħidma ta’ Puttinu Cares ma tieqaf qatt iżda l-qofol ta’ din il-ħidma intlaħqet fil-Ġimgħa l-Kbira fejn kienet organizzata maratona ġbir ta’ fondi. Maratona li matulha inġabru €3,133,430 sabiex tinxtara binja f’Londra li takkomoda lil dawk il-familjii li jitilgħu l-Ingilterra għall-kura.

Dn il-binja l-ġdida se tkun qed tilqa’ fiha madwar 20 familja. Residenza li tkun offruta b’xejn għaż-żmien kollu li dawn il-familji jkollhom bżonn jibqgħu l-Ingilterra. Apparti dan, il-post fejn jinsabu dawn l-appartamenti, jagħmilha iktar faċli għall-pazjenti u għall-familji biex jivvjaġġaw għall-kura li jkollhom bżonn.

Kull xahar, madwar 80 pazjent jitla’ l-Ingilterra għal trattament varju. Dawn il-pazjenti joqgħodu f’wieħed minn 20 appartament ta’ Puttinu f’Sutton. Sfortunatament, dawn l-appartamenti jinsabu madwar sagħtejn ‘il bogħod mill-isptarijiet li jmorru fihom il-Maltin. U huwa għalhekk li saret il-maratona ġbir ta’ fondi biex jinbnew appartamenti oħra biswit l-isptarijiet.

Il-maratona ixxandret fuq l-istazzjonijiet kollha fosthom Net Television, u bdiet mill-10 ta’ filgħodu sat-3 ta’ waranonfsinhar filwaqt li se kompliet mid-disa’ ta’ filgħaxija sa nofsillejl, wara l-purċizzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira.