Knisja Lokali

Jissoktaw it-tħejjijiet għal Ħadd il-Għid

Sibt il-Għid – jum sinjifikanti għall-Insara kollha madwar id-dinja.

Wara nuqqas ta’ sentejn, iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-ikbar festa tal-Knisja Kattolika jibdew illejla bil-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Mewt; ċelebrazzjonijiet li se jerġgħu jsiru bil-knejjes mimlija bin-nies. 

NET News tul l-għodwa tas-Sibt żar il-Birgu fejn stajna nsegwu l-aħħar preparamenti għal din il-funzjoni u għaċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-Irxoxt.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili twassal għal Ħadd il-Għid, li hi l-akbar Festa tal-Knisja bit-tifkira tal-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu u t-twelid mill-ġdid tal-bniedem għall-Ħajja ta’ Dejjem.

F’ħafna Knejjes, issir ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija wara li tkun saret iċ-ċerimonja tad-dawl; bil-mixgħela li tfakkar fil-qawmien mill-mewt. Mixgħela li tkun akkumpanjata bid-daqq tal-qniepen mal-kant tal-Allelulja.

U wara li f’Jum il-Ġimgħa l-Kbira ma sarux il-purċissjonijiet minħabba t-temp ikrah li laqat il-gwejjer Maltin, issa ħafna qed iħarsu b’aspettativa għall-ġurnata tal-Ħadd. Dan hekk diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex, f’Ħadd il-Għid filgħodu u anke filgħaxija, jorganizzaw il-Purċissjonijiet bil-vara ta’ Kristu Rxoxt.

It-tbassir mill-Uffiċċju Meterjoloġiku ta’ Malta qed jindika li filgħodu u waranofsinhar, iċ-ċans tax-xita huwa minimu, filwaqt li filgħaxija, il-probabbiltà tax-xita se tkun qed tiżdied. 

Għalkemm żgur li, ikun xi jkun it-temp, l-istennija hija kbira għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali ta’ Ħadd il-Għid, fejn tispikka l-ġirja bil-vara tal-Irxoxt, u anke t-tberik tal-bajd tal-Għid u l-figolli kkuluriti.