Wara sentejn neqsin mill-avvenimenti minħabba l-pandemija tal-Covid 19, is-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar nhar il-Ġimgħa 8 t’April 2022 f’jum id-Duluri telat Kunċert Sagru ‘Tenebre’, bħala parti mill-attivitajiet li s-Soċjetà qed itella’ matul din is-sena f’għeluq il-160 sena mit-twaqqif tagħha.
Dan il-kunċert kien imexxi mis-Surmast Direttur Naxxari tas-Soċjetà Peace Lino Pirotta, bil-parteċipazzjoni tas-Soprano Claire Caruana, it-Tenuri Charles Vincenti u Jake Cauchi flimkien mal-Baxx Louis Cassar. Waqt dan il-kunċert sagru fost il-mużika magħżula indaqqu diversi risponsorji antiki li jirrakkontaw il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Dawn ir-responsorji nkitbu minn ġenerazzjoni ta’ mużiċisti Naxxarin fl-ewwel nofs tas-seklu 20 u kienu jindaqqu fil-knisja tan-Naxxar mill-orkestra u l-kor tal-parroċċa fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa għal bosta snin. Bla dubju din hija mużika imprezzabbli li nkitbet matul il-medda tas-snin u li ma baqatx tindaqq aktar. Fl-1999 sar l-arranġament għall-Banda u ġew irregalati personalment lis-Soċjetà Mużikali Peace mis-Surmast Naxxar Ġużeppi Fenech.
Dan il-kunċert kellu l-appoġġ tar-Reġjun Tramuntana kif ukoll tal-Kunsill Lokali Naxxar.
//= $special ?>