Rajna xeni ta’ qsim il-qalb. Tara nisa neżlin mill-ferroviji jħaddnu t-tfal magħhom u fuq wiċċhom jidher it-terrur li għaddew minnu sakemm rifsu art sikura. Madankollu wiċċhom jixhed ukoll id-dwejjaq ta’ separazzjoni sfurzata minn żwieġhom jew ġenituri tagħhom li baqgħu fl-Ukrajna jirreżistu u jiġġieldu għal-libertà ta’ pajjiżhom.
Hekk qalilna Jonathan, żagħżugħ Malti li fil-jiem li għaddew kien il-Polonja u żar l-istazzjonijiet fejn l-aktar qegħdin jaslu refuġjati Ukreni fil-Polonja.
Hu qal li l-aktar li jmissu l-qalb huma t-tfal b’ħarsa ta’ inċertezza bilkemm jafu x’inhu jiġri. Tfal li jistaqsu lil ommhom għaliex missierhom ma ġiex magħhom u jekk hux se jkollhom l-opportunità li jerġgħu jarawh, lilu u lin-nanniet tagħhom.
Hu qalilna li wħud min-nisa kellhom magħhom saħansitra anki għaxart itfal, għax minbarra t-tfal tagħhom ġabu magħhom oħrajn li forsi m’għandhomx omm, jew li ommhom mietet fil-bumbardamenti Russi fuq zoni differenti tal-Ukrajna.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, ammont kbir ta’ Ukreni qasmu u għadhom qegħdin jaqsmu lejn il-pajjiżi ġirien biex jaħarbu mill-qilla tal-gwerra li ġabet magħha l-invażjoni tal-militar Russu f’pajjiżhom.
Iż-żagħżugħ li tkellimna miegħu, li kien ma’ Maltin oħra li marru l-Polonja biex jiltaqgħu u jgħinu lir-refuġjati Ukreni hemmhekk, qalilna li filwaqt li l-Ewropa sikwit tesperjenza mewġiet ta’ immigrazzjoni, dik li qegħdin naraw illum il-ġurnata, speċjalment f’reġjuni fil-Polonja, hi differenti ħafna, xi ħaġa li qatt ma rajna bħalha sa minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.
“Qegħdin naraw nisa u tfal li jaslu bil-ferrovija biex jaħarbu l-biża’ u t-terrur tal-gwerra. Ħafna qed iħallu lil żwieġhom, qraba jew għeżiez oħrajn tagħhom li baqgħu fl-Ukrajna biex jiġġieldu għal-libertà ta’ pajjiżhom.”
Jonathan qalilna li ħafna min-nisa li qegħdin jaslu fil-Polonja mhux qegħdin jaslu bi wliedhom biss imma ġieli jkollhom magħhom mal-għaxart itfal u ġieli iżjed. Dan għaliex apparti wliedhom iġorru magħhom ukoll it-tfal ta’ sħabhom jew tal-familjari tagħhom, ta’ dawk li jkunu għażlu li jibqgħu f’pajjiżhom biex jiġġieldu mal-armata Ukrena. Jew ta’ dawk li ommijiethom sfortunatament intlaqtu mill-missili jew ġew fuċillati minn suldati Russi. Dawn qegħdin jitilqu lejn il-Polonja u l-pajjiżi l-oħra ġirien mal-ewwel ċans, mal-ewwel vjaġġ bil-ferrovija disponibbli.
“Esperjenzajna sitwazzjoni ta’ disprament, fejn familji sħaħ, b’mod speċjali ħafna tfal, ġew mifruda b’konsegwenza ta’ din il-gwerra. Kollha kemm huma għaddew minn trawma!”
Ħafna familji fir-reġjun Pollakk li wasslu l-Maltin qegħdin jiftħu l-bibien ta’ djarhom biex jilqgħu lil dawn ir-refuġjati Ukreni. Entitajiet pubbliċi u NGOs ukoll qegħdin jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom.
Ma’ In-Nazzjon intqal li hemm iżda l-biża’ kbir li jiżdied it-traffikar tan-nies, u għalhekk qegħdin jiżdiedu l-isforzi biex dawn ir-refuġjati Ukreni li qed jaslu f’pajjiżi ġirien bħall-Polonja jiġu reġistrati malajr. Qed tiżdied ukoll is-sigurtà fl-istazzjonijiet tal-ferrovija speċjalment fejn jidħlu t-tfal.
Żdiedet ukoll is-sigurtà mal-fruntieri biex l-Ukreni li jaslu f’pajjiżi oħra Ewropej iħossuhom sikuri fl-Ewropa.
Pajjiżi bħar-Rumanija u l-Polonja li jmissu mal-Ukrajna u li allura qed jesperjenzaw il-wasla ta’ mewġa kbira ta’ Ukreni qed isibu bosta sfidi, partikolarment biex jibqgħu jagħtu l-edukazzjoni lit-tfal Ukreni bil-lingwa tagħhom.
Fil-Polonja, bosta gvernijiet reġjonali huma responsabbli minn servizzi ta’ saħħa u dawk soċjali. Madankollu, dawn mhux ilaħħqu biex jipprovdu dawn is-servizzi soċjali għaliex bosta nies huma trawmatizzati u għandhom bżonn għajnuna psikoloġika. Dan apparti sfidi bil-lingwa bħal dawk fis-settur tal-edukazzjoni.
Jonathan spjegalna wkoll li professjonisti tas-saħħa Ukreni li qed joffru li jgħinu, iridu l-ewwel ikollhom il-ħiliet tagħhom rikonoxxuti taħt il-qafas Ewropew, u dan proċess li jieħu ż-żmien.
Il-Polonja huwa wieħed mill-aktar pajjiżi li ġew milquta minn din il-mewġa ta’ immigrazzjoni mill-Ukrajna. L-istatistiċi juru li sal-lum ir-refuġjati Ukreni fil-Polonja ssuperaw iż-żewġ miljuni, piż bħal mistenni fuq dan il-pajjiż. Madankollu l-poplu Pollakk qed juri solidarjetà liema bħalha mal-ġirien tagħhom Ukreni.
Bosta bliet u reġjuni li qed jużaw il-fondi tagħhom biex joffru l-għajnuna qed jesperjenzaw pressjoni finanzjarja biex ikopru servizzi varji u għaldaqstant qed jitolbu biex jingħataw aktar fondi tal-Unjoni Ewropea.
U filwaqt li l-UE qed tinsisti biex jiġu utilizzati fondi mhux użati mill-programm tal-2014-2020, bosta reġjuni diġà għamlu użu minn dan il-Baġit u għaldaqstant qed jinsistu għal aktar riżorsi kif ukoll għal ħafna inqas burokrazija biex il-fondi jkunu jistgħu jintużaw b’mod aktar effiċjenti biex jgħinu lill-Ukreni li qed jaslu f’pajjiżhom.
Fil-preżent hemm mal-ħames programmi differenti li jistgħu jintużaw għall-għajnuna, biss dawn jirrikjedu applikazzjonijiet differenti u kuntatt ma’ awtoritajiet varji. Proposti oħra li qed isiru huma biex fondi li qabel kienu immirati għall-koperazzjoni bejn l-Ewropa u r-Russja issa jiġu immirati biex jgħinu b’mod dirett lir-refuġjati Ukreni.
Jonathan qalilna wkoll li fil-Polonja qed tinħass it-theddida tal-Kremlin fuq l-Ewropa wkoll. “It-theddida ta’ Putin qed tinħass sew fir-reġjuni li jmissu mal-Ukrajna. Infatti fl-ajruport tal-belt ta’ Rzeszow fil-Polonja tista’ tara bosta armamenti, inkluż dawk antimissili.” Qalilna li qed isiru appelli biex tkun dokumentata kull atroċità mwettqa mill-militar Russu biex tinġarr r-responsabbiltà ta’ kull forma ta’ kriminalità tal-gwerra, fostom il-qtil ta’ nies ċivili, quddiem il-qrati internazzjonali.
Waqt li dawn l-isfidi jidher li se jibqgħu magħna fix-xhur li ġejjin, diġà qed isir diskors fuq il-kostruzzjoni mill-ġdid tal-Ukrajna. Bosta bliet sfaw milquta b’mod drastiku fit-taqbid bejn il-forzi Ukreni u Russi u l-infrastruttura ġarrbet ħsarat konsiderevoli.
Il-proposti li qed isiru fil-livell Ewropew huma li jsir Marshall Plan, kif kien sar wara t-Tieni Gwerra Dinjija, biex terġa’ tinbena mill-ġdid l-Ukrajna bis-sapport tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>