Futbol Sport

Replay jgħin lil Puttinu | Irkant għal flokk ta’ Milan, iffirmat minn Ibrahimovic

Il-flokk ta' Zlatan Ibrahimovic

Anke f’Ħadd il-Għid, il-programm dwar il-futbol lokali u internazzjonali, Replay se jkun qed iżomm l-appuntament tiegħu mad-dilettanti kollha sportivi, b’edizzjoni oħra interessanti u li għandha tkun waħda speċjali. Dan għaliex din il-ġimgħa, Replay se jkun qed jagħmel il-parti tiegħu ukoll sabiex jgħin lill-fondazzjoni Puttinu Cares tiġbor fondi meħtieġa għal tfal morda bil-kanċer.

Replay se jkun qed jagħmel dan billi se jkun qed joffri opportunitá unika sabiex wieħed jista’ jikseb permezz ta’ irkant, flokk oriġinali u ffirmat tal-internazzjonali Żvediz ta’ Milan, Zlatan Ibrahimovic. Dan il-flokk ingħata lill-kowċ Malti, Franco Agius, għan-nom ta’ CICSPORTS, fil-jiem li għaddew u b’ġest mill-isbaħ, Agius għaddiħ lil Replay, biex ikun irkantat bil-flus kollha li jinġabru għaliħ se jkunu qed imorru għal Puttinu Cares.

L-ammont li biħ se jkun qed jibda l-irkant għal dan il-flokk se jkun ta’ €500 u wieħed se jkun jista’ jagħmel l-offerta tiegħu permezz tal-paġna ta’ Replay fuq Facebook billi jibgħat messaġġ privat. L-irkant beda’ mill-lejla u se jibqa għaddej sa nhar it-Tnejn li ġej fil-5pm. Għaldaqstant dawk kollha interessanti li jkollhom dan il-flokk oriġinali tal-leaders tas-Serie A fl-Italja, Milan, bin-numru 11 fuq wara, bl-isem u l-firma ta’ Ibrahimovic, għandu jagħmel kuntatt minnufiħ mat-tim ta’ Replay permezz ta’ Facebook.