Internazzjonali Knisja Lokali

“Tibqax terfa’ jdejk fuq ħuk” – Wara nuqqas ta’ sentejn il-Papa jmexxi l-Via Crucis fil-Kolossew

“Tibqax terfa’ idejk fuq ħuk”.

Hekk stqarr il-Papa Franġisku l-Ġimgħa bil-lejl, hekk kif wara nuqqas ta’ sentejn, il-Via Crucis reġgħet saret fil-lejla tal-Ġimgħa l-Kbir, fil-Kolossew ta’ Ruma.

Bil-Papa jfakkar kif “Kristu Rxoxt, offra lill-umanità d-don tas-salvazzjoni u wiegħed li jnixxef kull demgħa u jbiddel il-popli kollha f’familja kbira – f’dar ta’ mħabba u paċi”.

Waqt il-Via Crucis immexxija mill-Papa, kull wieħed mill-erbatax-il stazzjon ra familja differenti ġġorr is-salib, u nqrat silta mill-Evanġelju. Imbgħad, fit-13-il stazzjon ingħaqdu żewġ nisa biex iżommu s-salib, Albina li hija mir-Russja u Irina li hi mill-Ukrajna – kollegi u ħbieb, it-tnejn infermiera li jaħdmu fi sptar f’Ruma.

U fis-silenzju ta’ dan l-istazzjon, issokta t-talb ta’ kull individwu biex fid-dinja jirrenja l-paċi.