Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Vladimir Putin jhedded lill-pajjiżi tal-Punent

Tasal l-ewwel theddida ta’ Vladimir Putin fuq il-Punent – l-Amerikani u l-alleati se jbatu konsegwenzi serji minhabba li qed jappoggjaw lill-Ukreni bl-armamenti.

Din it-theddida tar-Russja qed tasal fid-dawl tal-appoġġ li l-Gvern ta’ Kiev qed ikollu mill-Unjoni Ewropea u mill-President Amerikan Joe Biden.

Madankollu, dan it-tgħeddid minn Putin la qiegħed jbeżża jew jwaqqaf lill-diversi pajjiżi fil-Punent milli jkomplu jappoġjaw lill-gvern Ukren.

Infatti, wara t-tgħeddida minn Moska, l-Gvern Ġermaniż iddikjara li se jofri biljun ewro bħala appoġġ militari lis-suldati Ukreni li qiegħdin jżommu lura l-invażjoni Russa.

Intant, matul il-lejl ma naqsux l-attakki Russi fuq diversi zoni tal-Ukrajna – bi spluzjonijiet illi nstemghu fil-periferija ta’ Kiev, u anke qrib il-belt ta’ Lviv. Dan filwaqt li qed ikomplu t-tentattivi biex l-armata Russa jkollha kontroll shih tal-port f’Mariupol.

Madankollu jidher li hemm tama għaċ-ċittadini li jinsabu maqbuda f’nofs il-battalja għal Mariupol, hekk kif id-deputat Prim Ministru tal-Ukrajna Iryna Vereshchuk kkonfermat li matul is-sibt se jsiru diversi attentati biex mill-ġdid jinfetħu 9 passaġġi umanitarji għal dawk iċ-ċittadini li jridu jevakwaw mill-belt ta’ Mariupol li tinsab fi stat iddisprat.

Diversi esperti militari qiegħdin jgħidu li l-belt ta’ Mariupol dalwaqt taqa’ f’idejn l-armata Russa, hekk kif kull sekonda li tgħaddi ir-reżistenza Ukrena qiegħda tkompli titlef in-nies u l-ammont ta’ riżervi ta’ ikel u munizzjon li jagħmluha possibli għar-reżistenza Ukrena biex tkompli tiddefendi lil Mariupol.

Jekk il-belt ta’ Mariupol taqa’ f’idejn l-armata Russa, din tkun qiegħda tissignifika l-ewwel kisba uffiċjali għal-Kremlin, li saħansitra jispiċċa juża din ir-rebħa bħala messaġġ politiku lill-poplu Russu.

Madankollu l-Gvern Ukren stqarr li l-armata Ukrena se tkompli tiġġieled u tiddefendi l-artijiet tagħha sal-aħħar, hekk kif matul il-lejl l-armata Ukrena rnexxiela timbotta lura l-avvanzi militari Russia għal 10 darbiet fir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk.

Tags