Għaddew erba’ snin u nofs minn meta nqatlet Daphne Caruana Galizia. 54 xahar minn jum meqjus iswed fl-istorja ta’ Malta – xhur li fihom l-għaqda Reppubblika kompliet toħroġ fit-toroq u tappella għall-verità u l-ġustizzja.
Waqt vejla li saret fil-Belt Valletta, Repubblika saħqu li se jkomplu jagħmlu dak li għamlu tul dawn l-aħħar xhur sakemm pajjiżna jaqbad it-triq tal-onestà, tal-integrità u tad-diċenza.
Repubblika saħqu li l-onestà, il-ġustizzja, is-sens ta’ dmir u t-trasparenza huma l-pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivili matura.
Il-velja fl-għeluq l-54 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kienet indirizzata minn Alessandra De Crespo u Sammi Davis minn Repubblika, minn Martina Farrugia minn Occupy Justice u mid-direttur tat-teatru Chris Gatt.
Dan apparti d-diskors tal-għeluq li wassal il-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina li minn naħa tiegħu saħaq li Daphne nqatlet mhux għax kienet kixfet reat wieħed, lanqas għax kienet kixfet sensiela ta’ reati, iżda għax kienet kixfet sistema sħiħa ta’ poter kriminali.
Matul id-diskors tiegħu hu wassall appell għall-persuni li qed jieħdu sehem f’dik li Aquilina sejjaħ kampanja viljakka ta’ intimidazzjoni fejn stqarr li din ir-realtà tpoġġi fuqna r-responsabbilità li nagħmlu għażla biex pajjiżna jkun aħjar.
Robert Aquilina saħaq li m’għandu l-ebda dubbju li l-istorja se tfakkar li fis-snin meta f’pajjiżna s-sitwazzjoni kienet iddisprata, meta kien hawn bosta li qatgħu qalbhom, meta ma kienx għadu moda li tiġġieled għas-sewwa kien hemm pjazza nies li baqgħet soda, armata bil-valuri u l-prinċipji tas-sewwa, determinata li tikseb il-verità, il-ġustizzja u l-bidla.
“Ejjew inżommu ħajja t-tama li għad naslu. Ejjew inkomplu nagħmlu kull ma nistgħu biex naslu. Ejjew nżommu ħaj l-ispirtu ta’ Daphne Caruana Galizia”, saħaq il-President ta’ Repubblika.
//= $special ?>