Lokali

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Irxoxt fit-toroq ta’ pajjiżna

Il-Knisja Kattolika ticcelebra l-akbar festa taghha – il-festa tal-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Gesu Kristu.

Dawn huma x-xeni li kollna ilna sentejn ma naraw f’dawn it-toroq tal-parroċċa ta’ San Gorg f’Ħal Qormi, fejn wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-Covid…sa fl-aħħar il-Qriema setgħu jiċċelebraw din il-festa bil-purċissjoni tal-Irxoxt. L-istess kif għamlu diversi parroċċi oħrajn madwar Malta u Ghawdex.

F’Ħal Qormi hija tradizzjoni li ż-żewg parroċċi jagħmlu l-purċissjoni tagħhom – bl-Irxoxt joħroġ ukoll mill-parroċċa ta’ San Bastjan fejn ukoll spikkat il-preżenza tal-familji bit-tfal li gawdew din iċ-ċelebrazzjoni mill-isbah. Bit-temp, kuntrarju għal dak li ġara f’jum il-Ġimgħa l-Kbira, ipparmetta li dawn il-purċissjonijiet isiru.

F’Ħal Qormi kien hemm preżenti l-Kap tal-PN Bernard Grech li kellu l-opportunita’ igawdi din il-festa man-nies li kienu preżenti…inkluż il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

Sadatant, aktar kmieni, l-Arċisqof mexxa l-konċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Għid mill-Konkatidral, fejn tkellem dwar l-importanza li t-twemmin tal-poplu, ma jkunx twemmin artifiċjali, imma twemmin ta’ veru li tassew jemmen fil-qawmien ta’ Kristu mill-imwied u li ma jiddubitax meta jara qabar vojt.

Ritratti: Joseph Galea