L-aħħar truppi Ukreni li baqgħu jiddefendu l-belt ta’ Mariupol kontra l-Armata tar-Russja għamluha ċara li kellhom jirreżistu lill-qawwiet tal-Kremlin sal-aħħar balla’.
Għaldaqstant, id-difensuri Ukreni f’Mariupol għamluha ċara li kienu qed jinjoraw l-offerta ta’ Moska biex tiggarantixxi s-sigurtà tal-istess difensuri Ukreni f’każ li huma ma jkomplux bir-reżistenza tagħhom.
Intant, l-awtoritajiet lokali f’Mariupol qalu li t-truppi Ukreni kienu għadhom qed iżommu l-pożizzjonijiet tagħhom– għalkemm l-osservaturi qablu li ‘kull żvilupp kien għadu possibbli’ f’din l-aħħar battalja għall-kontroll tal-belt
Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, sadanittant saħaq li pajjiżu għandu jirtira għal kollox minn kull negozjati mar-Russi f’każ li l-qawwiet tal-Kremlin kellhom jeliminaw lill-aħħar difensuri Ukreni fil-belt tal-port ta’ Mariupol.
Dan wara li Denis Pushilin, il-Kap tar-Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk (fl-art tal-Ukrajna) li hi alleata ta’ Moska insista li ‘iridu jinqatlu l-ġellieda Ukreni kollha (f’Mariupol) li jirrifjutaw li jċedu lir-Russi’.
Is-suldati alleati tar-Russja, fl-aħħar sigħat, żiedu l-isforzi biex jieħdu l-kontroll f’Mariupol, lejn in-nofsinar tal-Ukrajna. Iżda fl-aħħar sigħat ukoll spikkaw il-filmati tal-ġellieda Ukreni fl-inħawi li kienu qed jaħilfu ‘biex ma jċedux pulzier quddiem in-numri ferm superjuri tat-truppi Russi’.
L-indikazzjonijiet huma li l-Ukreni f’Mariupol baqgħu – b’diffikultà kbira — jirreżistu l-offensiva tar-Russi miz-zoni viċin il-port kif ukoll mill-fabbrika ta’ Azovstal, li tipproduċi l-ħadid u l-faħam.
Ftit tal-jiem ilu, ir-Russja qalet li ‘il fuq minn 1,000 morin Ukreni kienu ċedew f’Mariupol, iżda l-Gvern fi Kiev ċaħad għal dan bħala ‘gidba oħra ta’ Moska’.
Intant, Denis Pushilin kompla jgħid li l-Ukreni kollha li qed jisfidaw lill-qawwiet tiegħu u tar-Russja fl-inħawi ta’ Mariupol ‘iridu bilfors jisfaw eliminati jekk kemm-il darba huma ma jieqfux mill-ġlied’.
L-istqarrija – waqt filmat mill-inħawi — saret meta Pushilin kien akkumpanjat minn politiku għoli taċ-Ċeċenja ( li t-truppi tagħha qegħdin jgħinu lir-Russi fl-assedju ta’ Mariupol) u numru kbir ta’ suldati.
Il-belt ta’ Mariupol għandha importanza kbira għar-Russja minn lat strateġiku. Dan għaliex ir-Russi, f’każ li jaħtfu l-kontroll sħiħ taz-zona, ikunu jistgħu jwaqqfu rotta tal-art kruċjali għall-movimenti militari bejn il-Krimea, fil-Punent tal-Ukrajna u d-Donbas lejn il-Lvant ta’ dan il-pajjiż.
//= $special ?>