Lokali

Sewwieq ieħor ta’ mutur fil-periklu tal-mewt wara li tilef il-kontroll

Taljan ta’ 32 sena residenti Tas-Sliema, għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu, kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għax weġġa’ f’inċident tat-traffiku fi Triq Mikiel Anton Vassalli, l-Imsida.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-vittma tilef il-kontroll tal-mutur li kien qiegħed isuq, tat-tip Piaggio, u waqa’.

Ir-raġel ingħata l-assistenza minn tim mediku, ittieħed l-isptar b’ambulanza u ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia LL.D ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Dan kien ir-raba’ inċident f’temp ta’ 24 siegħa, li minnhom tliet persuni sfaw fil-periklu tal-mewt. U dan filwaqt li minn dawn l-inċident, kienu involuti tliet muturi.