Artiklu: Stewart Said
Ir-referees Maltin Massimo Angileri u Ronnie Spiteri ġew magħżula biex is-Sibt 23 ta’ April jikkontrollaw il-logħba mill-kampjonat Taljan A2 bejn Como Nuoto Recoaro u Crocera Stadium. Din se tkun l-ewwel darba li żewġ referees Maltin se jikkontrollaw flimkien logħba mit-Tieni Diviżjoni Taljana.
Dan l-appuntament, ikompli mas-sensiela li r-referees Maltin tal-waterpolo jkollhom minn żmien għal żmien. Proprju x-xahar li għadda, Peter Balzan ikkontrolla l-logħba mill-kampjonat A1 bejn Brescia u Salerno u Ronnie Spiteri kien parti mit-terna arbitrali li kkontrollaw il-logħba mill-kampjonat A2 bejn Olympic Roma u SC Tuscolano Pallanuoto.
Intant is-Sibt li ġej ukoll, ir-referee Malti Neville Mercieca se jkun parti mill-grupp ta’ referees li se jikkontrollaw logħbiet mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena. Mercieca se jmur fil-kapitali Rumena Bucharest, fi grupp li fih jinkludi lir-Rumanija, il-Ġermanja u l-Bulgarija.
Fi Frar li għadda, kemm Peter Balzan kif ukoll Massimo Angileri kkontrollaw logħbiet mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-irġiel u tan-nisa.