Festi Knisja Kultura Lokali

100 sena mill-miġja tal-Vara ta’ Santa Marija tal-Imġarr

Programm speċjali mħejji mill-Parroċċa Mġarrija biex tfakkar iċ-Ċentinarju

L-Imġarrin din is-sena qegħdin ifakkru l-ewwel ċentinarju mill-wasla tal-Vara Titulari ta’ Marija Assunta; anniversarju li għalih tħejjew festi speċjali.

Meta twaqqfet il-parroċċa fl-1898, kien hemm il-ħsieb li tinbena dik li llum hija r-Rotunda tal-Imġarr u għalhekk il-fondi li kienu jinġabru mill-ftit familji fil-parroċċa kienu jmorru għal dan il-għan. Iżda kien hemm ukoll ix-xewqa li ssir Vara lill-Patruna ta’ dan ir-raħal, Santa Marija.

Ritratt: Matthew Tabone

Peress li l-Kappillan ta’ dak iż-żmien kien qed isibha diffiċli li jiġbor għall-vara meta kien qed isaqqaf wiċċu biex tinbena l-knisja, kien inġabar grupp ta’ benefatturi li ddeċidew li jħallsu l-vara minn buthom biex din inxtrat minn Marsilja, kif spjega l-istoriku, Mario Vassallo:

Ritratt: Matthew Tabone

“Il-vara waslet l-Imġarr fid-19 t’April 1922 u bi dritt, f’Awwissu ta’ dik is-sena, ħarġet il-vara ddur għall-ewwel darba fit-toroq tar-raħal. Regħuha l-benefatturi li ħallsu għall-vara, li ħallsu ukoll għall-ispejjeż tal-pedestall, tal-bradella u l-bankun ukoll. Meta ġew biex jerfgħu s-sena ta’ wara, kien jonqos xi ħaġa żgħira tal-ispejjeż u ftiehmu li min jerfagħha, iħallas dawk l-ispejjeż ukoll. Minn dik is-sena ’l quddiem baqgħet tinżamm it-tradizzjoni tal-offerta. Iġifieri, l-offertà ilha ġejja mill-bidu nett. F’Malta kien hawn id-drawwa f’parroċċi oħra li kien hemm min joffri offertà biex jerfa’ l-istandard tal-Fratellanza tas-Sagrament u dehrilhom li jekk jagħmlu dik il-biċċa xogħol għall-vara, tkun ħaġa xierqa sabiex ma jmissux mill-fondi miġbura għall-bini tal-Knisja.”

Ritratt: Matthew Tabone

Fl-aħħar 100 sena, Santa Marija baqgħet ġewwa biss fi żmien it-tieni gwerra dinjija. U illum tinħareġ proċessjonalment Ħadd fuq il-15 t’Awwissu kif ukoll f’okkażjonijiet speċjali oħrajn.

“Fl-1950 reġgħet ħarġet il-vara għall-ewwel darba mhux fil-festa biss meta ġiet l-Assunzjoni kienet iddikkjarata bħala Domma tal-Fidi. Minn dak iż-żmien ’l hawn baqgħet dejjem issir il-festa bil-vara. Ħarġet darb’oħra f’purċissjoni speċjali fl-2009 mal-wasla tal-vara mir-restawr mingħand il-kumpanija Prevarti u fl-2012, kien ġie ċċelebrat id-90 sena mill-wasla tal-Vara u allura din ħarġet iddur mat-toroq tal-Parroċċa fit-18 t’April.”

Ritratt: Matthew Tabone

Il-Kappillan, Dun George Schembri, spjega kif il-Parroċċa qed tgħix din is-sena ċentinarja kollha ddedikata lil Santa Marija:

“Bdejna propju lejlet l-ewwel tas-sena meta flimkien ftaħna s-sena ċentinarja u hemm diversi attivitajiet anki ta’ natura pastorali fejn aħna nistgħu niċċelebraw dan l-aspett storiku b’mod ħaj fid-dinja tal-lum. Għaldaqstant, f’dawn il-jiem t’April, fit-18 u d-19, qegħdin infakkru propju l-ġurnata meta il-vara ta’ Santa Marija waslet fil-parroċċa tagħna imma l-bqija tal-programm maqsum fis-sena kollha meta b’mod pastorali aħna nersqu lejn in-nies u nippreżentaw il-ħajja nisranija lil kulħadd.”

Ritratt: Matthew Tabone

Għall-Festa ta’ Santa Marija f’Awwissu li ġej, apparti għadd ta’ attivitajiet speċjali fil-Programm tal-Festa, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq mant ġdid biex jiżżanżan fil-festa biex taħtu titqiegħed il-vara:

“Ħafna xogħol sar min-nies lokali hawnhekk, kemm min ħadem il-ħadid, min kien involut fil-ħjata u l-esperti artistiċi mill-parroċċa tagħna li taw il-gwida tagħhom fuq id-disinn. Dan apparti l-għajnuna li sibna minn artisti oħrajn li flimkien se nippreżentaw il-Mant ta’ Santa Marija. Wasalna fil-fażi finali tiegħu dan ix-xogħol hekk kif bħalissa qed isir ir-rakkmu sabiex jekk Alla jrid jitlesta sal-festa li jmiss.”

Ritratt: Matthew Tabone

Intant, it-Tnejn inħarġet il-Vara ta’ Santa Marija f’pellegrinaġġ devozzjonali biex tfakkar dan l-anniversarju filwaqt li t-Tlieta, l-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra Pontifikal fil-Knisja Parrokkjali tal-Imġarr.

Ritratt: Matthew Tabone
Ritratt: Matthew Tabone