Uffiċini fil-Kalkara, li jospitaw il-ħaddiema tal-Kenup Foundation, ġew trasformati f’residenza għal għaxar familji Ukreni li ħarbu minn pajjiżhom minħabba l-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa. L-impjegati ġew mitluba li jaħdmu mid-dar u minflok l-iskraviniji u s-siġġijiet tagħhom tpoġġew sodod, gwardarobbi u affraijiet oħra ta’ bżonn biex tiġi kkreata ‘dar ’il bogħod mid-dar’ għal dawn il-familji Ukreni li għaddew minn ħafna fl-aħħar jiem.

Net News kellu l-opportunità li jiltaqa’ ma’ dawn il-familji Ukreni, li se jinżammu fil-Kalkara sakemm ikun hemm bżonn u mhux se jħallsu għall-akkomodazzjoni u għas-servizzi li qed jiġu provduti, inkluż ikliet regolari mill-EsploraCafé. Dawn il-familji ġew Malta mill-Ajruport ta’ Vrsavja permezz ta’ titjiriet li inghataw b’xejn, u li kienu organizzati grazzi għas-sapport tal-Kaptan Charles Pace. Bħalissa f’Malta u f’Għawdex, hawn madwar 600 persuna li ħarbet mill-Ukrajna minħabba l-Gwerra.

Dawn l-Ukreni li tkellmu magħna, jiffurmaw parti minn komunità żgħira ta’ persuni li sabu refuġju f’pajjiżna. Dan kien possibbli għal għajnuna ta’ diversi Maltin u kumpaniji f’pajjizna, li mhux biss għenu biex jingħata saqaf fuq rashom iżda anke aċċertaw li jkollhom kull ma hemm bżonn, fosthom id-Deputat tal-PN Stephen Spiteri.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MCST u wieħed mid-Diretturi tal-Kenup Foundation, Jeffrey Pullicino Orlando, li ħa ħsieb din l-inizjattiva sa mill-bidu, fl-aħħar jiem saħaq li “huwa verament ta’ kuraġġ li jara li l-Ukreni jinsabu kuntenti miġburin f’Malta.” Il-familji li tkellmu magħna, japprezzaw din l-għajnuna li qed tingħata mill-Maltin.

Ritratti: Matthew Tabone
//= $special ?>