Internazzjonali Lokali Qorti

Arrestat l-attur Malti ta’ ‘Game of Thrones’

Jiċħad allegazzjonijiet li kellem minorenni b'mod indiċenti

L-attur Malti Joseph Gatt, magħruf l-aktar għall-irwol tiegħu fis-serje popolari Game of Thrones, aktar kmieni dan ix-xahar, kien arrestat f’Los Angeles fuq allegazzjonijiet serji ta’ konversazzjonijiet jew komunikazzjoni b’mod indiċenti ma’ minorenni.

Joseph Gatt, li għandu 50 sena, kien arrestat fis-6 t’April u nħeles fuq ‘bail’ ftit wara, fejn kien mitlub iħallas garanzija personali ta’ $5,000. Fl-aħħar sigħat, deher għall-ewwel darba fil-pubbliku wara dak li ġara fil-bidu tax-xahar.

Imwieled minn ġenituri Maltin, missieru minn Raħal Ġdid u ommu minn Ħal Lija, Gatt trabba Londra iżda qatta’ l-vaganzi tas-sajf mal-familja tiegħu f’Malta. Bħalissa qed jgħix f’Los Angeles, California, fejn filfatt kien arrestat qabel saritlu tfittxija fir-residenza tiegħu f’Beverly Hills.

L-attur Malti, minn naħa tiegħu, kien tkellem permezz ta’ Twitter fejn ċaħad l-allegazzjonijiet, iżda stqarr li ma setax jagħti wisq informazzjoni fuq il-mezzi soċjali.

Joseph Gatt huwa magħruf l-aktar għall-parti ta’ Thenn Warg fi tliet episodji fuq Games of Thrones. Dan filwaqt li kellu parti f’films ta’ suċċess bħal ‘Star Trek Into Darkness’, ‘Dumbo’, u ‘Thor’. Il-Malti għandu parti wkoll fil-film ta’ Dwayne Johnson, ‘Black Adam’.

Fl-età ta’ 12-il sena, sfortunatament, Gatt sar jaf li għandu l-kundizzjoni tal-Alopecia. Hu beda l-karriera tiegħu fl-1999, fl-Ingilterra, u issa saħaq li jinsab ħerqan li jnaddaf ismu, filwaqt li baqa’ kategorikament jiċħad l-allegazzjonijiet dwaru.