Fl-aħħar ta’ April se jirritorna l-Valletta Green Festival… avveniment annwali ddedikat għat-titjib fl-ambjent fil-Belt Valletta, it-tnaqqis fit-tniġġis u l-biodiversità.
Il-Valletta Green Festival se jsir bejn it-28 ta’ April u l-1 ta’ Mejju fi Pjazza San Ġorġ u f’posjiet oħra madwar il-kapitali.
Wara nuqqas ta’ sentejn, il-Valletta Green Festival se jkun qed jerġa’ jilqa’ lill-pubbliku sabiex jingħaqad fil-Belt għal dan il-festival.
It-tema għal din is-sena hija l-abitat naturali hekk kif fuq id-disinn li tħejja apposta għal dan il-festival, jispikka ż-żrinġ… speċi li sfortunatament f’pajjiżna ftit ftit qed jispiċċa. Se tkun qed tingħata importanza partikolari lill-ispazji pubbliċi u l-effett li qed iħalli t-telf tal-abitat fuq il-flora u l-fawna tal-gżejjer tagħna.
Fost l-aktar affarijiet li jispikkaw f’dan il-festival hemm l-infjorata… li ta’ kull sena tiġbed lejha numru kbir ta’ spettaturi.
U għall-ewwel darba, fi Ġnien Laparelli se tkun qed issir attività mifruxa fuq 500 metru kollha ddedikata għall-klieb.