Futbol Sport

Floriana jagħmluha għas-semi finali bi tliet gowls fit-tieni taqsima

Rowen Camilleri

FLORIANA…………3

BIRKIRKARA………1

Floriana: G. Kitanov, A. M. Overend (M. Veselji 89’), C. Rutjens, O. El Hasni, Z. Cassar, K. Reid (K. Keqi 89’), J. Arias (A. Ciolacu 81’), N. Garcia, E. Callegari, J. Busuttil (A. Garzia 89’), R. Camenzuli (B. Paiber 81’)

Birkirkara: D. Fernandes, E. Ruiz, E. Pepe, Y. Yankam, C. Bonanni, R. Scicluna, O. Carniello (P. Mbong 88’), L. Aguirre, K. Bevis (F. Falcone 88’), J. Macedo

Imwissija: O. El Hasni 34’, E. Callegari 52’, N. Garcia 63’,  (F), O. Carniello 41’, E. Pepe 74’, E. Ruiz 90+3’ (B)  

Skorjaw: K. Reid 53′ A. Ciolacu 83′, J. Busuttil 85’ (F), Y. Yankam 64′ (B)

Referee: Philip Farrugia

Assistenti Referees: Alan Camilleri u Mitchell Scerri

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Jan Busuttil (Floriana)

Floriana huma l-avversarji ta’ Hibernians fis-Semi Finali tal-IZIBET F.A. Trophy, meta f’partita li ħadet il-ħajja fit-tieni taqsima, it-tim immexxi minn Gianluca Atzori rnexxielu jiskorja tliet darbiet kontra d-darba li rnexxielhom isibu x-xibka Birkirkara, biex b’hekk komplew javvanzaw f’din il-kompetizzjoni.

L-ewwel taqsima ftit li xejn offriet spettaklu b’ħafna fouls imwettqa miż-żewġ timijiet u b’ħafna waqfien li mewwet ir-ritmu tal-partita. L-ewwel azzjoni waslet fit-28 minuta meta kienu Birkirkara fuq l-attakk permezz ta’ Scicluna li tefa’ kross tajjeb lejn Yankam li prova d-daqqa ta’ ras li għaddiet ftit barra. Fil-ħin miżjud Floriana ħolqu l-aktar azzjoni perikoluża meta Kemar Reid qassam lejn Ryan Camenzuli li avvanza u bix-xellug fajjar xutt b’saħħtu bil-goalkeeper tal-istripes Fernandes kellu jdawwar f’korner. L-ewwel taqsima spiċċat kif bdiet, biż-żewġ timijiet jiddiżappuntaw fil-logħob tagħhom u jonqsu milli jiftħu l-iskor.

L-andament fit-tieni taqsima mill-ewwel deher li se jkun aħjar mill-ewwel 45 minuta u fit-53 minuta Floriana marru fil vantaġġ. Kienet azzjoni mħduma bejn Ryan Camenzuli u KEMAR REID, b’dan tal-aħħar għalkemm issikkat minn Carniello baqa javvanza u minn quddiem Fernandes ma’ żbaljax. Fl-64 minuta iżda Birkirkara rrispondew u ġabu l-gowl tad-draw. Kienet azzjoni maħduma sabiħa minn Bonanni li qassam tajjeb ħafna lil Aguirre li kien pront tefa l-ballun lejn YANNICK YANKAM li b’lasta vojta tefa’ ġewwa. Fl-74 minuta Fernandes kellu jwettaq save sabiħ biex żamm l-iskor indaqs meta Rutjens mill-viċin kellu daqqa ta’ ras b’saħħita li kienet destinata għax xibka. Fit-83 minuta Busuttil daħal fil-kaxxa u qassam lejn Reid li ra l-konklużżjoni tiegħu tinqala minn fuq il-linja. Minuta wara  Floriana marru fil-vantaġġ meta kien kross ta’ Zach Cassar lejn ANDREI CIOLACU li bid-dawra xuttja fil-baxx u għeleb lil Fernandes. Għaddew biss żewġ minuti u Floriana ssiġillaw il-kwalifikazzjoni meta JAN BUSUTTIL approfitta minn żball difensiv ta’ Carniello u wara li avvanza b’saqajh ix-xellugija tefa’ l-ballun b’eleganza wara Fernandes. Fl-aħħar minuta tal-ħin miżjud Brandon Paiber mar viċin li jniżżel ismu mal-iskorers meta minn free kick dirett ra x-xutt b’saħħtu tiegħu jaħbat mal-wieqfa u jibqa sejjer barra. Wara erba’ minuti ta’ ħin miżjud ir-referee Philip Farrugia saffar tmiem il-partita fost il-ferħ tal-plejers u l-partitarji Furjaniżi.