Raġel ta’ 46 sena minn Santa Venera bi problema kbira ta’ droga ġie kundannat ħames snin ħabs wara li ammetta li seraq minn tliet postijiet differenti u prova jisraq minn żewġ postijiet oħra, liema serqiet ma seħħewx minħabba xi ħaġa indipedenti mill-volontà tiegħu. Huwa ammetta għal 15-il akkuża li kien mixli bihom.
Jason Attard ammetta quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li flimkien ma’ persuna oħra fis-26 ta’ Marzu seraq minn ħanut tal-logħob f’Ħal Qormi, u li mar-raġel l-ieħor żżamm persuna kontra l-volontà tiegħu u li kellu arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja.
Huwa ammetta wkoll li fis-27 ta’ Marzu li għadda li meta kien ma’ l-istess persuna seraq flus minn ħanut tad-‘doughnuts’ f’Ħal Qormi u fit-8 t’April kien miegħu meta seraq ammont ta’ flus lil persuna ġewwa Ħal Kirkop. Ammetta wkoll li ma sieħbu fis-26 ta’ Marzu, ipprova jisraq minn ħanut tal-logħob fil-Ħamrun.
Ammetta wkoll li waħdu fit-3 ta’ April ittanta jisraq minn ħanut tal-ikel f’Ħal Qormi, u li żamm persuna kontra l-volonta tagħha u li kellu fil-pusses tiegħu arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja. Ammetta wkoll li għamel ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor.
Il-Qorti, qalet li l-kondotta tal-akkużat mhijiex allarmanti. Madankollu sostniet li r-reati li wettaq huma serji. Tenniet ukoll li għandu problema ta’ droga u li wiegħed li lest li jirrifondi l-flus li seraq u li jħallas għall-ħsarat li għamel.
Minbarra l-piena karċerarja ta’ ħames snin il-Qorti ordnatlu jħallas €1,125 għall-ħsarat li wettaq u €1,090 għal flus li seraq. Huwa jrid iħallashom fi żmien tliet xhur. Huwa ġie ordnat ukoll li jħallas nofs l-ispejjeż tal-esperti tal-Qorti. Għal Attard deher l-Avukat Lennox Vella filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Rodrick Agius.
//= $special ?>