Il-Qorti laqgħet talba ta’ Mohamed Korouma, mill-Kosta tal-Ivorju wara li kien qed jikkontendi li qatta’ seba’ xhur żejda l-ħabs wara li kein diġa skonta s-sentenza tiegħu, minħabba żball amministrattiv. Ir-raġel ta’ 43 sena għamel dan permezz ta’ dak li jissejjaħ ‘habeas corpus’, li hija skrittura li titlob li persuna taħt arrest titressaq quddiem ġudikant biex tiżgura l-ħelsien tal-persuna sakemm ma jintwerewx raġunijiet legali għad-detenzjoni tiegħu jew tagħha.
Mohamed Korouma kien ġie mixli b’konfoffa biex jimporta kokaina u eroina fl-2011 u aktar tard kien ingħata l-ħelsien mill-arrest. Huwa kien instab ħati wkoll tal-pussess ta’ ammont żgħir ta’ droga. Is-sentenza kienet tnaqqset fl-appell.
Iżda minkejja li kien serva dik is-sentenza, il-priġunier ma ngħatax il-ħelsien minħabba żball amministrattiv tal-qorti li infurmat lill-awtoritajiet tal-ħabs bħala li kien ineliġibbli għal libertà proviżorja minħabba l-fatt li kien akkużat li kiser il-libertà proviżorja.
L-avukati tiegħu, Jose Herrera u David Camilleri ressqu proċeduri ta’ ‘habeas corpus’, u sostnew li l-arrest tiegħu kien illegali. Sostnew bil-qawwa għall-ħelsien immedjat tiegħu hekk kif tard it-Tnejn filgħaxija l-każ urġenti ssejjaħ quddiem il-maġistrat Nadine Lia.
Herrera qal lill-maġistrat Nadine Lia li b’sentenza mogħtija f’Settembru li għadda mill-Qorti tal-Appell Kriminali, huwa nstab ħati, fost l-oħrajn, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest relatati mal-proċeduri kriminali l-oħra pendenti tiegħu.
Madankollu s-sentenza ma rrevokatx il-libertà proviżorja, irrimarka l-avukat, u sostna li l-klijent tiegħu qatt ma kellu jerġa’ jiġi arrestat. Id-Deputat Reġistratur tal-qrati, Joyce Agius, xehder u qalet lill-Qorti li r-raġel inżamm arrestat fid-dawl tal-fatt li kien akkużat li kiser il-libertà proviżorja.
Il-multi imposti fis-sentenza tal-2021 mill-Qorti tal-Appell Kriminali għal droga u ksur tal-pleġġ kienu għadhom ma tħallsux. Herrera sostna li l-multi kienu għadhom ma ġewx konvertiti għal priġunerija u li dan kien jeħtieġ azzjoni separata.
L-Avukat Herrera qal li r-revoka ‘de facto’ tal-libertà proviżorja kienet “ereżija”, u sostna li qorti biss tista’ tirrevoka l-libertà proviżorja ta’ xi ħadd. “Minn meta r-reġistratur sar Imħallef?” saħaq Herrera. Staqsa jekk il-multa u l-ispejjeż ġewx konvertiti għal priġunerija. Ma kienux, wieġbet ix-xhud. Herrera kontro-eżamina lill-uffiċjal tal-qorti, u wrieha kopja tas-sentenza tal-appell.
Hija kkonfermat li kienet ġenwina u rrimarkat l-akkuża ta’ ksur ta’ pleġġ. “Tista’ tindika fejn il-qorti rrevokatlu l-libertà proviżorja?” interrompa l-avukat, irrabjat. Il-Qorti intervjeniet diversi drabi, u waqqfet lill-avukat milli jinterrompi lix-xhud waqt ix-xhieda tagħha.
Sadanittant ix-xhud qalet li d-direttur tal-ħabs bbaża ruħu fuq dokument, imsejjaħ biljett. “Il-biljett fih innifsu huwa korrett, iżda barra minn hekk talbuni għat-tieni biljett – u din hija xi ħaġa li ma qabilx magħha- meta jkun hemm ksur jew revoka ta’ bail m’għandekx bżonn tagħmel it-tieni biljett. Dan il-biljett inħareġ wara li ngħatat is-sentenza.”
Fil-biljett oriġinali ma ssemmiet l-ebda ordni li l-akkużat kellu jinżamm arrestat, qalet ix-xhud. “Kont naf li kien fuq pleġġ u nzertajt li kont id-deputat reġistratur għall-Imħallef Grixti fejn rajna atti oħra li fihom Korouna kien fuq pleġġ…hemm każ ieħor li fih jinsab fuq pleġġ,” qalet l-uffiċjal tal-qorti. .
“Fil-każ l-ieħor huwa akkużat li kiser il-bail u għadu mhux deċiż. Il-liberta’ proviżorja ma ġietx revokata,” qal Herrera bi tweġiba. “Din l-azzjoni ġiet ippreżentata, prattikament fuq suġġeriment tal-Imħallef Grixti, meta ppreżentajna rikors għall-libertà proviżorja u nstab li l-klijent tagħna kien diġà fuq il-libertà proviżorja.”
Agius saħqet li hija dejjem sostniet li l-ksur tal-bail għandu jkun inkluż fuq l-istess biljett tal-ħabs, iżda qalet li kienet injorata. L-uffiċjal tal-ħabs Helenio Galea xehed ukoll. Spjegat li fl-24 ta’ Novembru 2020 ir-raġel kien ittieħed il-ħabs bi skorta tal-pulizija. Korouna ingħata żewġ biljetti, wieħed jgħid li kien ilu tliet snin ħabs u mmultat. Iżda l-uffiċjali ta’ skorta kienu wkoll wasslu b’biljett ieħor mir-reġistratur tal-qrati, għall-ksur tal-pleġġ, fejn stqarru li l-libertà proviżorja tar-raġel kienet revokata.
Il-Qorti rrimarkat li għalkemm kien hemm żewġ dokumenti, relatati mal-kawżi tiegħu fil-qorti, it-tnejn li huma semmew il-ksur tal-libertà proviżorja. “L-ewwel każ għadu mhux deċiż u bħalissa jinsab fuq pleġġ b’rabta magħha, it-tieni każ jgħid li l-libertà proviżorja ġiet revokata.”
Herrera spjega li fit-tieni każ tar-raġel, huwa nstab ħati talli kiser il-libertà proviżorja u għal dan intbagħat il-ħabs. Huwa kien serva din is-sentenza, sostna l-avukat. “Il-biljett l-ieħor inħareġ bi żball peress li d-deputat reġistratur ippreżumiet li l-konsegwenzi tal-kundanna ta ‘ksur tal-pleġġ kienet ir-revoka awtomatika tal-pleġġ.”
Madankollu, il-liġi kienet inbidlet u l-maġistrat issa għandu għażla li jew jirrevoka l-libertà proviżorja jew jieħu miżuri oħra, sostna Herrera. “Hu qatta’ seba’ xhur arrestat bla bżonn,” qal l-avukat. “Is-sentenza tirreferi għall-kawża l-oħra pendenti, għat-traffikar tad-droga, li għadha fl-istadju ta’ kumpilazzjoni.”
Galea qabel, iżda saħaq li ma kellu l-ebda poter li jeħles lill-akkużat. L-Avukat Mario Mifsud, li jirrappreżenta l-amministrazzjoni tal-ħabs iddetta nota konġunta flimkien ma’ Herrera, fejn spjega li kien għad hemm proċeduri ta’ kumpilazzjoni pendenti għaddejjin, u li f’dan il-każ, l-akkużat kien ingħata l-libertà proviżorja.
Herrera qal li l-arrest kien “manifestament illegali.” “Huwa żball ċar min-naħa tal-qrati. Għal dan l-iżball għamel seba’ xhur ħabs bla bżonn. Kulma jimpurtani minnu huwa l-ħelsien tar-raġel,” qal l-avukat. L-Avukat Mario Mifsud qal li l-ħabs ried jagħmel l-affarijiet ċari li l-ħabs juża l-biljett bħala l-ordni biex persuna tinżamm taħt arrest. Fid-dawl tat-tieni biljett kellna nżommuh taħt arrest sakemm jiġi revokat.
Kien hemm riforma fil-liġi sentejn ilu, sostna Herrera. Il-piena għall-ksur tal-pleġġ issa hija sentenza ta’ ħabs separata, mhux ir-revoka tal-pleġġ. “Dan huwa gravi ħafna,” huwa qal. L-Avukat Ylenia Abela, li dehret għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ikkonfermat fil-Qorti li, kuntrarjament għal informazzjoni mogħtija mill-amministrazzjoni tal-qorti, kien hemm kumpilazzjoni ta’ provi fil-konfront tal-akkużat.
L-Avukat Herrera sostna li dan kien żball amministrattiv min-naħa tar-reġistratur tal-qrati. Id-dokument ikkwotat minn Galea kien dokument amministrattiv, mhux sentenza uffiċjali tal-qorti, huwa qal. Il-maġistrat kompliet tirrimarka li kien hemm dokument maħruġ mill-amministrazzjoni tal-qorti li jgħid li l-akkużat ma kellu l-ebda kumpilazzjoni pendenti ta’ provi kontrih. Iż-żewġ partijiet qablu li ma kienx korrett bil-Qorti tilqa’ t-talba għar-rilaxx tar-raġel.
//= $special ?>