Lokali Qorti

Illiberat minn akkużi ta’ mportazzjoni ta’ cannabis fuq id-dispożizzjonijiet li daħlu fis-seħħ

Ingliż residenti l-Mellieħa li nstab fil-pussess ta’ “serra li kienet tintuża għat-tkabbir tal-kannabis” fil-kamra tas-sodda tiegħu ġie lliberat mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fuq akkuża li mporta l-cannabis grass f’Novembru tal-2013 u qabel. Il-Qorti qalet li kienet qed tqis il-fatt tad-dispożizzjonijiet tal-liġi li daħlu fis-seħħ dan l-aħħar dwar il-cannabis.

Il-Qorti kienet qed tiddeċiedi fil-konfront ta’ Matthew Mark Anthony McDonnell ta’ 41 sena fejn ħareġ ukoll mil-istqarrija tiegħu li l-aħħar li kien pejjep il-pjanta cannabis kien madwar 15 qabel li kien akkwista żewġ grammi f’dik l-okkażjoni, kif ukoll li pejjep ir-raża tal-cannabis madwar tliet ġimgħat qabel meta xtara biċċa ta’ 20 ewro.

L-Ingliż ġie mmultat 750 ewro wara li nstab ħati li kkultiva l-pjanta cannabis u li kien fil-pusses tagħha, anke f’ammonti żgħar. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qieset il-fatt li l-imputata għandu kondotta netta u li anke fittex l-għajnuna biex jirrabilita għall-vizzju tad-droga.

Waqt it-trttazzjoni tagħha d-difiża kienet qalet li ma kinitx qed tikkonstesta l-istqarrija tal-imputat fejn kien qal li l-appartament fejn kien qed jgħix kien krih biex ikollu spazju personali biex ikun jista’ jkabbar il-pjanti tal-cannabis. Huwa qal li kien xtara ‘growing tent’, filters u dak kollu li kellui bżonn għat-tkabbir tal-pjanti minn fuq website.

Tenna li ż-żerriegħa għall-pjanti xtraha mill-Olanda u li din kienet kemmxejn speċjali, fis-sens li kienet ġenetikament modifikata biex il-pjanti li jinbtu jkunu kollha nisa u jkun fihom iżjed kontenut ta’ Tetrahydrocannabinol. Qal li dawn kienu auto flowering u dan kollu sabu minn fuq riċerka li għamel minn fuq l-internet.

Spjega wkoll kemm kien jagħti dawk lill-pjanti u l-funzjoni tal-extractor. Huwa ċaħad li kellu l-intenzjoni li jittraffika l-cannabis u l-intenzjoni tiegħu kienet biss li jkollu fornitura għall-użu personali tiegħu matul ix-xitwa. Tenna li dan huwa kkonfermat mill-fatt li kellu pjanti żgħar u li jibqgħu żgħar u allura jipproduċu anqas minn pjanti oħra tal-cannabis.

Il-Qorti semgħet kif il-kamra ġiet skoperta waqt rejd tal-pulizija fir-residenza tal-akkużat. Theuma, mexxa l-prosekuzzjoni, qal li l-akkużat kien immodifika l-kamra tas-sodda tiegħu biex ikun jista’ jikkultiva l-pjanti u qal li kienet ikkonvertita għal “kamra tat-tkabbir tal-kannabis”. Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.