Futbol Sport

Illum ikunu magħrufa ż-żewġ semifinalisti l-oħra

Illejla Floriana u Birkirkara se jissieltu kontra xulxin biex jiksbu post fis-semifinali tal-Izibet FA Trophy. Minbarra l-unur innifsu, it-tnejn qed iħarsu lejn il-kompetizzjoni minn lenti differenti.

Floriana qed jisfidaw ukoll għar-rebħ tal-kampjonat u għadhom bil-possibbiltà li jiksbu doppjetta. Birkirkara jinsabu f’taqtigħa għal post fil-kompetizzjonijiet Ewropej u jekk jispiċċaw biex jirbħu l-kompetizzjoni, ikunu aċċertaw posthom minn dan it-tragward. Dan minbarra li Birkirkara ilhom ma jirbħu unur mill-2015.

Fiż-żewġ logħbiet bejn it-tnejn f’dan l-istaġun, Birkirkara għadhom ma rebħux. L-ewwel konfront lura f’Settembru li għadda ntemm 1-1. Dakinhar Kristian Keqi kien poġġa lil Floriana fil-vantaġġ sakemm Federico Falcone ġab id-draw fit-tieni taqsima.

It-tieni logħba kienet aktar akkanita, bil-Furjaniżi joħorġu rebbieħa 1-0 b’gowl ta’ Andrei Ciolacu wara kwarta, gowl li qajjem protesti kbar minn Birkirkara. Ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront jiltaqa’ kontra Hibernians.

Fil-kwarti tal-finali l-oħra, Gżira United jibdew favoriti kontra Santa Lucia. Iżda dan ma għandux jagħmel il-kompitu tal-Gżirjani faċli hekk kif Santa Lucia huma fost l-aktar timijiet fil-forma fil-kampjonat.

Fl-aħħar seba’ logħbiet, it-tim ta’ Giovanni Tedesco kiseb 14-il punt minn possibbiltà ta’ 21 punt u wassalhom biex inqalgħu minn mal-aħħar tnejn fil-klassifika għall-ewwel darba fil-kampjonat.

Gżira fl-aħħar erba’ ħarġiet tagħhom, kisbu tliet rebħiet u draw biex għadhom jittamaw li jiksbu post fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Dan anki jekk il-kowċ Darren Abdilla sofra mhux ftit bi skwadra ridotta minħabba l-ħafna plejers imweġġgħin li kellu tul l-istaġun. Ir-rebbieħ jilgħab kontra Valletta.

IZIBET FA TROPHY

Illum: Stadium Nazzjonali Floriana v Birkirkara 7.00pm Tony Bezzina Stadium Gżira United v Santa Lucia 7.00pm