L-investigatur privat Ingliż Greg Gillespie, ġimgħa ilu nġieb Malta mill-Awtoritajiet sabiex jixhed dwar dokumenti u data li ħadem fuqhom bħala parti minn investigazzjoni li wettaq fuq il-kumpanija Żvizzera Accutor AG, li hija mmexxija mill-Pakistani Wasay Bhatti.

F’Jannar li għadda sarert tfittxija fid-dar u l-uffiċċju tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar pagament ta’ 60,000 ewro li huwa rċieva mingħand Accutor AG… kumpanija li rċeviet miljun ta’ ewro f’pagamenti mid-deal tat-tliet sptarijiet. Kemm Joseph Muscat kif ukoll Wasay Bhatti ċaħdu li għamlu xi ħaġa ħażina f’dan id-deal.
L-investigatur Ingliż Greg Gillespie qal lit-Times of Malta li fl-investigazzjoni li għamel dwar Accutor AG u Bhatti sab li kien hemm rabta qawwija ma’ pajjiżna. Fejn l-analiżi dettaljata li saret kixfet konnessjoni bejn individwi u kumpaniji involuti fid-deal tal-Vitals.
Accutor kienet involuta f’pagamenti lid-Direttur ta’ Vitals Ram Tumuluri lura fl-2018, kif ukoll pagamenti li saru lil Shaukat Ali u membri tal-familja tiegħu fl-2018 u l-2019. Shaukat Ali, ċittadin Pakistani oriġinarjament ibbażat fil-Libja u li akkwista ċittadinanza Maltija, kellu sehem fid-deal li sar ma’ Vitals.

Lura f’Novembru li għadda, rapporti fil-ġurnali kienu kixfu kif l-eks PM Joseph Muscat ingħata għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’“miżati ta’ konsulenza” minn kumpanija Żvizzera li rċeviet miljuni mingħand Steward Healthcare waqt li kien qed jgħaddi għandhom id-deal tal-isptarijiet mingħand Vitals Global Healthcare.
Fil-kont tal-BOV, l-eks Prim Ministru tħallas total ta’ €60,000…. bl-ewwel ħlas iseħħ xahrejn biss wara li rriżenja. Il-flus tqassmu f’erba’ pagamenti; tnejn minn kumpanija bl-isem ta’ Accutor AG u tnejn minn Spring X Media – żewġ kumpaniji li jitmexxew mill-avukat Wasay Bhatti, li kollha għandhom indirizz fl-Isvizzera.

Gillespie qal li l-investigazzjoni li għamel tqajjem tħassib dwar l-integrità tal-kumpanija, hekk kif din kienet involuta f’numru ta’ transazzjonijiet suspettużi b’rabta mal-iskandlu tal-isptarijiet.
L-investigatur privat qal li huwa fl-interess nazzjonali li l-awtoritajiet ikunu jafu b’din l-informazzjoni u l-evidenza, peress li din ma kinitx aċċessibbli fid-dominju pubbliku.
Il-focus inizjali ta’ din l-investigazzjoni kienet dwar Accutor AG u Wasay Bhatti iżda mbagħad din kixfet rabtiet ma’ Malta u l-iskandlu tal-VGH.
Minħabba d-deal li sar ma’ Steward u li eventwalment għadda għand Vitals, il-poplu Malti u Għawdxi ta’ kuljum għadu qed jinsteraq il-miljuni.