Sport Sport Ieħor

Kowċ Spanjol imexxi kamp ta’ taħriġ

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien hawn Malta l-kowċ Spanjol tat-Taekwondo Pedros Gormaz li kellu ċ-ċans iwettaq kamp ta’ taħriġ mal-atleti lokali li jipprattikaw dan l-isport.

Atleti minn Santa Venera Taekwondo, Dragon Academy u Birżebbuġia Taekwondo Club kellhom jumejn mimlija b’attivitajiet u sessjonijiet ta’ taħriġ f’lukanda ewlenija fil-Kappara,fejn spikka l-entużjażmu fost l-atleti żgħażagħ li jridu jimirħu aktar f’din id-dixxiplina.

Pedro Gormaz hu kowċ magħruf ferm fi Spanja fejn wara li għamel il-grad bħala atleta, ġie maħtur kowċ nazzjonali fi ħdan il- Federazzjoni Rjali Spanjola tat-Taekwondo apparti li għandu kwalifiki bħala Mental Coach.

Għall-ewwel darba f’dan il-kamp ta’ taħriġ intużat teknoloġija ġdida bl-isem ta’ Neurotracker fejn tgħin lill-atleti jiffukaw iktar waqt is-sessjonijiet tagħhom.

Membri mill-Kumitat Olimpiku Malti fosthom il-president Julian Pace Bonello, is-segretarju ġenerali Kevin Azzopardi u d-direttur tal-isport Charlene Attard żaru dan il-kamp ta’ taħriġ li sar possibbli grazzi għall-ħidma tal-Assoċjazzjoni Maltija tat-Taekwando immexxija mill-president Anna Vassallo li għandha wkoll kariga prestiġġjuża bħala viċi-president tal-Malta Taekwando Union.