Raġel ta’ 37 sena ġie lliberat minn akkużi ta’ kultivar u pusses ta’ droga mill-Maġistrat Natasha Galea Scibeeras. Clint Zammit residenti Ħ’Attard kien tressaq il-Qorti ma’ persuna oħra mixli li f’Ġunju ta’ 2010 ikkultiva pjanti tal-cannabis f’ħanut tal-merċa fil-Ħamrun. Mill-provi rriżulta li waħda mill-pjanti kienet ta’ daqs kbir.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li dan il-każ huwa bbażat biss fuq l-istqarrija tal-akkużat, liema stqarrija mhijiex waħda ammissibbli. Sadanittant il-Qorti qalet li jekk wieħed ineħħi l-istqarrija tal-imputat jirriżulta li Zammit ma kellu x’jaqsam xejn mal-fond fejn instabet id-droga. L-imputat ma kienx assistit waqt l-istqarrija li huwa kien ta lill-Pulizija.
Il-Qorti qalet li ma nġiebet l-ebda prova fil-konfront ta’ Clint Zammit li kellu x’jaqsam mal-każ. Fis-sentenza ingħad ukoll li l-ebda ‘finger print’ ma qablet ma’ ta’ Zammit. Huwa minnu li bosta minnhom qablu ma’ tal-persuna li ġie akkużat miegħu, imma dan ma jfissirx li l-imputat għandu xi ħtija.
Il-Qorti qalet li t-teħid tal-impronti diġitali li saru mill-espert Jeffrey Hughes minn fuq il-foil li bih kienet imdawwra pjanta tal-cannabis, kienu tajbin għall-fini ta’ komparazzjoni, iżda din ma rriżultatx fil-konfront ta’ Zammit. Irriżulta wkoll li kienet saret tfittxija fir-residenza ta’ Zammit fejn hemm kien hemm preżenti kemm l-imputat kif ukoll missieru. Ma kien instab xejn illegali fir-residenza ġewwa Ħ’Attard mill-Pulizija.
Kull ma nstabu kienu żewġ ċwievet fil-karozza tal-imputat li jaqblu mal-ħanut fil-Ħamrun u li l-Pulizija kienu marru fil-ħanut biex jinvestigaw. Mill-provi lanqas ma jirriżulta li l-imputat kellu xi konnessjoni ma’ l-istess ħanut u l-akkuża li huwa wettaq reat viċin post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ ma baqgħetx relevanti għal dan il-każ.
Huwa kien ġie mixli wkoll li wettaq dan ir-reat ġewwa distanza mill-parametru ta’ skola jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Id-droga nstabet f’ħanut fil-Ħamrun fejn instabu tliet pjanti tal-cannabis u xi weraq niexef.
Kienu saru numru ta’ testijiet minn esperti mqabbda mill-Qorti fosthom marki tas-swaba fejn kienu ġew elevati oġġetti bħal boroż tal-plastik u borża li kien fiha kari kannella bi trab abjad. Il-kultivar tal-pjanti kien qed isir permezz ta’ ‘drip’. Għal Clint Zammit deheru l-Avukat i Arthur Azzopardi u Jacob Magri filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jesmond J. Borg.
//= $special ?>