Grupp ta’ mużiċisti żgħażagħ taħt l-isem ‘Tektek Nota’ ressqu appell għall-paċi u l-imħabba permezz tal-mużika f’avveniment volontarju bit-tema ‘Dmugħ Innoċenti’ – attivita’ li ttellgħet nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu, wara l-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.

Din il-prestazzjoni mużikali saret bl-iskop li jinġabru fondi għall-familji li ntlaqtu direttament mill-gwerra mdemmija fl-Ukrajna, bil-voluntieri ta’ Caritas Malta jirnexxielhom jiġbru flus li se jmorru għall-ikel, ilma, akkomodazzjoni u oġġetti ta’ iġene personali.

Waqt din l-attività, li fiha dawn it-30 mużiċist kienu qed jappellaw bi sħiħ mhux biss għall-paċi fl-Ukrajna iżda anki għall-paċi madwar id-dinja kollha, iżżanżnet silta mużikali esklussiva bit-titlu “An Instrument of Your Peace”, li din il-formazzjoni mużikali fi ħdan Tikka Banda ddedikaw għal din il-kawża.

Din is-silta mużikali hija ispirata minn kliem San Franġisk t’Assisi, “Agħmilni strument tal-paċi tiegħek”.

Il-kanzunetta inkiteb oriġinarjament minn Vince Fabri u ġiet adattata għall-ensemble Tektek Nota minn Luke Vella. Il-grupp vokali żagħżugħ immexxi minn Romina Vella mbagħad ingħaqad mal-mużiċisti żgħażagħ biex ikanta din il-kanzunetta.
