Fl-Afganistan, mietu talanqas sitta waqt suspettata splużjoni suwiċida barra skola tas-subien fil-belt kapitali ta’ Kabul.
L-attakk fuq l-iskola ta’ Abdul Rahim Shahid seħħ waqt li l-istudenti kienu qed jikkonkludu l-lezzjonijiet ta’ filgħodu u fejn irriżultaw ukoll numru ta’ midruba. L-ammont tal-vittmi mistenni li jiżdied b’riżultat ta’ investigazzjoni fl-inħawi li qegħdin imexxu l-awtoritajiet ta’ Kabul.
L-iskola fejn seħħ l-attakk tinsab fil-Punent ta’ Kabul fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Musulmani Xiti. Dan meta l-ewwel rapporti qalu wkoll li ntużaw il-grenades għal attakk ieħor fuq ċentru tat-tagħlim ieħor viċin tal-iskola inkwistjoni.
Ħadd ma assuma responsabbiltà għall-azzjoni qattiela fuq din l-iskola. Dan meta l-inħawi partikulari, fil-passat, kienu attakkati kemm-il darba mit-terroristi tal-ISIS li qed jikkonsolidaw il-preżenza tagħhom fl-Afganistan.
Fil-fatt, iz-zona tal-attakk, li jisimha Dasht-e-Barchi, ilha mira partikulari għall-fergħa lokali tal-ISIS minħabba li fl-inħawi hemm komunità kbira ta’ Musulmani Xiti.
Dan meta l-ideoloġija tal-ISIS tirrappreżenta forma stretta u primittiva tal-Islam, bit-terroristi tal-grupp kemm-il darba jattakkaw jew jippersegwitaw lill-Musulmani Xiti peress li r-reliġjon tagħhom mhux konformi mal-interpretazzjoni tal-Islam skont l-ideoloġija tal-istess terroristi.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-katavri tal-vittmi tal-attakk fuq l-iskola kienu qed jitwasslu lejn sptar ewlieni f’Kabul, bil-paramediċi anki jitrattaw lil diversi midruba fl-inħawi partikulari tal-kapitali.
//= $special ?>