Ambjent Lokali

BirdLife Malta tilmenta dwar nuqqas ta’ infurzar

Voluntieri u membri ta’ BirdLife Malta lbieraħ raw iseħħ quddiem għajnejhom massakru orribbli tal-kaċċa hekk kif waqa’ l-lejl. Massakru li fih inqerdet qatgħa tajr tal-priża protett li kienet qed tipprova ssib post fejn tqatta’ l-lejl f’Delimara. Ftit qabel inżul ix-xemx, qatgħa ta’ madwar 30 għasfur tal-priża, l-aktar Bagħdan Ħomor (Western Marsh-harriers), kienu osservati fl-għelieqi fl-inħawi f’Tas-Silġ, Delimara, fil-limiti ta’ Marsaxlokk.

Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li numru ta’ kaċċaturi dehru qed isegwuhom sa x’ħin dalam u dan wassal biex it-timijiet ta’ BirdLife Malta baqgħu għassa matul il-lejl. Ftit sigħat wara nżul ix-xemx, instemgħu diversi tiri u bl-użu ta’ tagħmir apposta għal matul il-lejl, il-massakru kien iffilmjat. Il-Pulizija ġiet infurmata u wara ftit, tim mir-Rapid Intervention Unit (RIU) – mhux uffiċjali mill-Environmental Protection Unit (EPU) – wasal fl-inħawi. Il-membri tal-RIU ma kinux ċerti x’jaqbdu jagħmlu u waslu tard wisq biex jinqabdu s-suspettati.

L-istqarrija kompli li t-timijiet ta’ BirdLife Malta baqgħu fil-post matul il-lejl kollu u ma’ tlugħ ix-xemx fittxew iz-zona, fejn sabu ħames Bagħdan Ħomor, li erbgħa minnhom kienu għadhom ħajjin iżda kienu feruti, waqt li ieħor instab mejjet. L-għaqda spjegat li x-xena orribbli ħalliet lil dawk preżenti xxukkjati u ġiet ikkuntattjata mill-ġdid il-Pulizija biex tgħin fit-tfittxija u tgħaddi l-għasafar feruti lill-Veterinarji tal-Gvern kemm jista’ jkun malajr.

Fir-reazzjoni tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal li “dan hu xokkanti u inaċċettabbli. M’għandniex noqgħodu nduru mal-lewża; dan il-massakru hu tort ta’ dawk li taw amnestiji lill-kaċċaturi li ddikjaraw li għandhom aktar minn 500,000 għasfur protett fil-kollezzjonijiet ta’ tajr ibbalzmat tagħhom. Hu tort tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU), li falliet bil-kbir fil-kontroll tal-listi li ddikjaraw il-kaċċaturi. Dawn il-listi ma baqgħux jiġu ċċekkjati u dan ippermetta li l-kaċċaturi llum jistgħu jkomplu joqtlu tajr protett u jżiduhom mal-kollezzjonijiet tagħhom jew mal-kollezzjonijiet ta’ dawk li lesti jħallsu għat-tajr ibbalzmat. Fuq din il-materja għaddejja attività inaċċettabbli bil-barka tal-gvern tal-pajjiż.”

Mark Sultana kompla billi staqsa “Għaliex taħsbu li l-kaċċaturi qed joqtlu dawn l-għasafar protetti? Għaliex żagħżugħ joqtol erba’ Fjamingi fil-Ponta tal-Qawra u jaqbeż il-baħar biex jiġborhom? Għaliex taħsbu li żewġ membri tal-familja u balzmaturi magħrufin f’Għawdex jinqabdu ripetutament bil-karkassi, iżda ftit li xejn jista’ jsir minħabba lakuni fil-Liġi? Kif tista’ tispjega li wieħed minn dawn il-balzmaturi jidher ta’ kuljum fil-kumpanija tal-Ministru Clint Camilleri matul il-kampanja elettorali, iżda l-Pulizija ma jirnexxilhomx isibuh biex jinnotifikawh b’seduti tal-Qorti? Din hi attività fuq skala kbira li tinvolvi kaċċaturi, politiċi u Uffiċjali tal-Unfurzar.”

BirdLife Malta talbet li l-Prim Ministru jieħodha f’idejh li jiżgura li l-iċċekkjar tal-listi ta’ speċi protetti fil-kollezzjonijiet tal-kaċċaturi jibda immedjatament. Esperti tal-għasafar fi ħdan l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandhom jintalbu jieħdu ħsieb dan il-proċess, filwaqt li insistiet li l-infurzar tar-reati kriminali marbutin man-natura jittieħed bis-serjetà u li wieħed ma jinsiex li Malta diġà qed tiffaċċja Proċeduri ta’ Ksur mibdija mill-Kummissjoni Ewropea dwar dan is-suġġett.

Il-Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara kkonkluda li “se nibqgħu preżenti kemm jista’ jkun fil-kampanja biex ngħinu fil-ħarsien tal-għasafar tal-passa. Se nkunu qed nipprovdu wkoll rapport dettaljat lill-Kummissjoni Ewropea dwar dan l-inċident partikolari, u oħrajn tal-passat riċenti, flimkien ma’ elenku tas-sitwazzjoni attwali b’rabta mal-amnestiji talimgħoddi li huma l-kawża tal-kaċċa illegali rampanti u dejjem tiżdied fuq speċi protetti f’Malta.”