Eġizzjan ta’ 52 sena kien ippjana li jdaħħal Malta 100 kilo reżina tal-cannabis mit-Tuneżija. Ahmed El Fadalli Enan bagaħat Malti lejn it-Tuneżija biex jiġbor id-droga minn lukanda u hemm Tano Farrugia inqabad mill-Pulizija Tuneżina u ġie arrestat. L-Eġizzjan kien il-moħħ wara dan il-pjan biex f’Malta tinġieb din id-droga.
Dan ħareġ meta quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera beda l-ġuri tal-Eġizzjan li qed jiġi mixli b’kompliċità fit-tentattiv ta’ importazzjoni lejn Malta mit-Tuneżija ta’ 50 kilo reżina tal-kannabis, u dan peress li fil-pusses tal-Malti kienu nstabu 50 kilo droga.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukati Kevin Valletta u Godwin Cini mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ddeskriviet lill-akkużat, bħala l-kap tal-piramida tal-pjan li fih kellha tiddaħħal Malta mal-100 kilo tal-istess droga imma l-pjan sfaxxa wara li l-Pulizija Tuneżina arrestat il-Malti.
Enan, li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 29 sena, jinsab mixli b’assoċjazzjoni biex tiġi impurtata d-droga f’każ li jmur lura għall-2010 u qed iwieġeb mhux ħati. Huwa kien tressaq il-Qorti fil-15 ta’ Jannar tal-2010 fejn oriġinarjament kien akkużat ukoll li ħajjar persuni biex iwettqu reat kriminali.
Dwar dan il-każ Tano Farrugia, eks player Maltin tal-football kien għadda proċeduri fil-Qorti tat-Tuneżija li kien ġie kundannat 20 sena ħabs u li iżda nħeles wara biss tliet snin minħabba r-rivoluzzjoni Tuneżina. Kien fl-2013 inħeles mill-awtoritajiet Tuneżini fejn kien wieħed minn madwar 300 ħabsi li ngħataw maħfra presidenzjali mill-President proviżorju Moncef Marzouki.
Il-maħfra presidenzjali ngħatat biex tfakkar is-sentejn mir-rivoluzzjoni li seħħet fil-pajjiż u li wasslet għal rivoluzzjoni f’pajjiżi oħra Għarab. Farrugia ma jistax jiġi akkużat fil-Qorti Maltija fuq dan ir-reat peress li diġa għadda proċeduri kriminali fit-Tuneżija, u għalhekk persuna ma tistax tiġi mgħoddija proċess darbtejn.
Fil-bidu tal-ġuri l-prosekuzzjondi bdiet tippreżenta l-każ fejn qalet li l-każ beda fil-11 ta’ Jannar 2010 meta Adrian Farrugia mar jirrapporta lill-Pulizija Maltija li ħuh, Tano Farrugia, kien arrestat it-Tuneżija fuq sejba ta’ droga fil-kamra tal-lukanda fejn kien qed joqgħod.
Kien l-istess Tano Farrugia li ċempillu u waqt li qallu li l-Pulizja Tuneżina riditu jagħmel kuntatt mal-persuna li bagħtitu t-Tuneżija talbu jmur fi klabb tal-boċċi biex jiltaqa’ ma’ ċertu Ahmed. Adrian Farrugia hekk għamel imma meta mar ikellem lil Ahmed, li ġie identifikat bħala l-akkużat, dan ma ma riedx ikellem lil Farrugia u x’ħin issuspetta li xi ħaġa marret ħażin sabbat il-mobile phone mal-art.
Dejjem skont Adrian Farrugia, l-akkużat ammetta li bagħat lil ħuh biex jiġbor xi droga. Kien hawn li Adrian Farrugia mar l-għassa u għamel rapport fejn anke qal lill-Pulizija li ħuh kien arrestat it-Tuneżija. Wara li identifikat lill-akkużat il-Pulizija Maltija arrestatu fit-13 ta’ Jannar 2010 u waqt rejd fid-dar sabulu rċevuti ta’ trasferimenti ta’ flus barra minn Malta permezz tal-Western Union. L-għada l-akkużat tressaq fil-Qorti mixli dwar dan il-pjan.
Il-prosekuzzjoni sostniet ukoll li l-Pulizija Tuneżina sabet irċevuti li juru kif il-persuna li għaddiet id-droga lil Tano Farrugia tħallset mingħand l-akkużat permezz ta’ trasferiment ta’ flus. Qalet ukoll li l-pjan kien li l-għada Farrugia kellu jirċievi 50 kilogramma oħra u d-droga kellha tasal Malta b’dgħajsa li tieqaf max-xatt ta’ fejn kien hemm il-lukanda li kien qed joqgħod fiha Farrugia. Skont il-prosekuzzjoni għal dan is-sehem tiegħu fil-pjan Tano Farrugia kellu jitħallas €15,000.
Wara nofsinhar xehed l-Assistent Kummissarju Dennis Theuma li qal li l-akku#at dejjem ċaħad li kellu x’jaqsam mad-droga. Huwa fiehem lill-Qorti kif kien mar ikellmu Adrian Farrugia fejn qallu li l-Pulizija Tuneżina kienu arrestaw lil ħuh Tano wara li qabduh bid-droga u li jekk l-istess Tano Farrugia kien se jgħinhom dwar min iktar kien involut seta’ jgawdi minn tnaqqis fil-piena.
L-Assistent Kummissarju tenna li wara li identifikaw lill-akkużat arrestah fil-Fgura fejn fid-dar ma sabux droga imma nstabu notebook, laptop, mobile phone u rċevuti tal-Western Union fejn irriżulta li l-akkużat bagħat flus it-Tuneżija u l-Italja.
L-akkużat kien ċaħad li kellem lil Adrian Farrugia u li kien jaf lil Tano Farrugia imma meta kkonfrontat fuq it-trasferimenti tal-flus qal li kien talabhomlu wieħed. Fl-istqarrija li ta lill-Pulizja huwa ċaħad li qatt ittraffika droga għalkemm ammetta li ta’ età tenera ta’ 15-il sena jpejjep il-ħaxixa waqt li żied li f’Malta x-xogħol ewlieni tiegħu kien fit-tikħil.
Kien kkonferma li ttrasferixxa flus barra minn Malta imma minbarra lil familjari tiegħu fl-Eġittu qal li kien ttrasferixxa flus lil mara wara li talbu ħabib tiegħu. Wara xehed l-Ispettur Saviour Baldacchino u s-Surġent Geraldine Buttigieg li flimkien ma’ pulizija oħra kienu arrestaw lill-akkużat u għamlu tfittxija fir-residenza tiegħu.
Farrugia aċċetta li jkun involut għax fallielu n-negozju
L-Assistent Kummissarju żied li mill-investigazzjoni tal-Pulizija Maltija rriżulta li l-akkużat kien ftiehem ma’ Tano Farrugia għax kien fallielu n-negozju u spiċċa mdejjen u offrielu €15,000 jekk jgħin fil-pjan biex tinġieb Malta l-100 kilo raża tal-kannabis.
Il-ġuri għadu li għaddej qed jintsema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. L-Avukat Simon Micallef Stafrace qed jiddefendi lil Enan. Fil-jum tal-Erbgħa mistenni jixhed l-istess Farrugia dwar il-każ. Il-ġuri mistenni jasal fi tmiemu lejn l-aħħar ta’ din il-ġimgħa. Il-prosekuzzjoni hija mmexxija mill-Avukati Godwin Cini u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>