Eġizzjan li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 29 sena se jgħaddi ġuri akkużat b’konfoffa u assoċjazzjoni biex jimporta 50 kilogramma raża tal-cannabis mit-Tuneżija f’każ li kien hemm ukoll l-involviment ta’ Malti li kien qed jinżamm f’dak il-pajjiż. Ahmed El Fadali Enan ta’ 52 sena se jiġi akkużat ukoll quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li ħajjar persuni oħra biex jieħdu sehem fl-allegat reat.
Meta kien tressaq il-Qorti fil-15 ta’ Jannar tal-2010 kien ġie mixli wkoll b’pussess ta’ kokaina. Il-ġuri mistenni jibda dalgħodu bl-ewwel xhud ikun id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Dennis Theuma. Meta kien xehed fil-kumpilazzjoni Theuma kien qal lill-Qorti li l-investigazzjonijiet indikaw li l-akkużat kellu kuntatti f’diversi pajjiżi u kien ittrasferixxa flus lejn l-Italja u Tuneż.
Huwa kien involut ukoll ma’ Malti li llum għandu 44 sena, li dak iż-żmien kien arrestat f’Tunes talli allegatament ippjana li jibgħat 50 kilo kannabis lejn Malta. Dan il-Malti se jkun l-aktar xhud mportanti fil-ġuri tal-Eġizzjan. L-uffiċjal kien qal li l-Eġizzjan kellu każ ieħor fil-qorti li ma kienx relatat mad-droga. Il-Malti li kien inżamm fit-Tuneżija huwa Tano Farrugia, eks plejer tal-futbol ta’ Msida S.J.
F’Jannar tal-2013, Farrugia li kien ġie akkużat bi traffikar tad-droga kien inħeles minn ħabs Tuneżin wara li ngħata maħfra Presidenzjali. Is-servizzi sigrieti Maltin u Tuneżini kienu kkoperaw fuq l-operazzjoni li wasslet għall-arrest tiegħu. Farrugia, li ċaħad l-akkużi, kien ilu l-ħabs minn dakinhar, jiġifieri mill-2010.
Huwa kien fost 312-il priġunier li nħelsu meta l-President Tuneżin li kien provviżorju, Moncef Marzouki, ħareġ maħfra biex jimmarka t-tieni anniversarju tar-rivoluzzjoni ta’ pajjiżu, li kienet il-bidu tal-hekk imsejħa Rebbiegħa Għarbija. F’operazzjoni oħra tad-droga kienu nżammu żewġ Maltin oħra, li kienu ġew arrestati talli allegatament ippruvaw idaħħlu b’kuntrabandu kważi 70 kg kannabis mit-Tuneżija lejn Malta.
Ir-rivoluzzjoni, iżda, kienet salvat wkoll lil Thomas Camilleri u Glenn Paul Xuereb, it-tnejn li huma dak iż-żmien kellhom 22 sena, li kienu ħarbu mill-ħabs fit-taqlib tal-2011, u qasmu l-fruntiera lejn il-Libja u għamluha lura lejn Malta fuq titjira ta’ evakwazzjoni.
It-tnejn kienu ġew arrestati mal-wasla tagħhom. Il-President Marzouki kien naqqas ukoll is-sentenzi ta’ 1,383 priġunier ieħor. Il-maħfra tal-priġunieri waqt fest pubbliċu ewlenin fil-pajjiż hija tradizzjoni fit-Tuneżija. Sadaniitant Farrugia kien ġie arrestat mill-pulizija Tuneżina fil-bidu tas-sena tal-2010 wara tfittxija fil-kamra ta’ lukanda tiegħu f’Nabeul. Huwa kien inżamm fil-ħabs ta’ Grombalia f’Tuneż. Għall-Eġizzjan fil-ġuri se jidher l-Avukat Simon Micallef Stafrace.
//= $special ?>