Lokali

Il-faċċata taċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija sofriet ħsarat kbar

Għat-tieni darba f’inqas minn tliet snin, il-faċċata taċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija sofriet ħsarat irriperabbli kawża ta’ inċident tat-traffiku li seħħ fil-lejl ta’ bejn is-17 u t-18 t’April.

Jidher li żagħżugħ ta’ 25 sena tilef il-kontroll tal-karozza li kien qiegħed isuq b’riżultat li qalgħa l-crash barriers minn posthom u baqa’ dieħel fil-ħajt u l-grada li tinsab fuq quddiem taċ-ċimiterju.

Hu maħsub li l-ispiża biex tittranġa l-faċċata se tlaħħaq mal-€10,000 hekk kif il-ħajt kollu jrid jerġa’ jinbena mill-ġdid… struttura li trid tinbena bħalma nbniet 200 sena ilu biex taqbel mal-ħitan tal-ġnub.

Kawża ta’ dan l-inċident, min izur ic-cimiterju wara funeral jew biex isellem lil qrabatu…. irid jidħol bilfors mill-grada ta’ wara taċ-ċimiterju. Madanakollu, huwa impossibli li t-twiebet jidħlu minn naħa ta’ wara minħabba l-crash barriers li hemm imwaħħlin fil-post.

Dawn it-tip ta’ inċidenti f’din it-triq partikolari mhumiex l-ewwel darba li qed naraw bħalhom hekk kif fl-aħħar snin ġew irrapurtati diversi vetturi li tilfu l-kontroll u baqgħu deħlin fiċ-ċimiterju. Fil-fatt, inċident li kien seħħ f’Lulju tal-2020 kien wassal biex il-ħajt taċ-ċimiterju sofra minn ħsarat kbar tant li kellhom iħottuh u jibnuh mill-ġdid.

Ritratti: Matthew Tabone