Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal li l-qawwiet ta’ pajjiżu mhumiex jaħsbu li jużaw l-armanenti nukleari waqt l-invażjoni tal-Ukrajna. Lavrov, waqt intervista lill-istazzjon televiżiv India Today, ċaħad li Moska qed taħseb biex iddaħħal ‘element għal qerda massiċċa’ matul il-ġlied fl-Ukrajna u sostna li l-Kremlin se jirrikorri biss għall-‘armi konvenzjonali’.
Aktar kmieni f’din il-gwerra, il-President Russu Vladimir Putin kien ħareġ direttivi biex il-qawwiet nukleari tal-Kremlin jitqiegħdu fuq ‘allert speċjali. Dan waqt li numru ta’ uffiċjali ewlenin f’Moska indikaw li r-Russja ‘setgħet tkun lesta biex tuża l-armi nukleari taħt ċirkustanzi partikulari’.
Lavrov, fl-istess ħin, aċċenna għall-fażi ġdida tal-invażjoni fl-Ukrajna tal-Lvant u sostna li ‘ir-Russja, sa mill-bidunett, kienet determinata li tillibera lir-‘Repubbliki’ ta’ Luhansk u Donetsk’. Hu kompla li ‘Moska beħsiebha tkompli b’din l-azzjoni sakemm jintlaħaq dan it-tragward.’
//= $special ?>