Il-55 jum tal-gwerra fl-Ukrajna wassal għal azzjoni militari ġdida mill-qawwiet tar-Russja fuq ir-reġjun tad-Donbas fl-artijiet Ukreni tal-lvant….Reġjun li jinkorpora liz-zoni ta’ Luhansk u Donetsk li ilhom mill-2014 okkupati mir-ribelli separatisti li jappoġġjaw lill-Kremlin ta’ Moska.
L-offensiva ġdida fuq id-Donbas bdiet tard matul il-lejl tat-Tnejn, bit-truppi tal-Kremlin – wara l-aħħar battalji fi bnadi oħra tal-Ukrajna – issa qegħdin jikkonċentraw fuq front tal-gwerra ta’ kważi 500 kilometru.
Dan waqt li l-kelliema għal Moska qed jinsistu li t-truppi tagħhom qegħdin jiġġieldu biex jilliberaw lir-reġjuni Ukreni fejn ir-residenti jitkellmu bir-Russu.
Kien proprju l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, li kkonferma li r-Russja kienet qed tibda l-offensiva fuq id-Donbas wara jiem ta’ stennija u l-movimenti kontinwi tal-militar Russu lejn il-pożizzjonijiet fil-periferija tar-reġjun. Sadanittant, il-kelliema għal Moska qalu li l-militar tagħhom laqat ‘il fuq minn 1,000 mira matul il-lejl tat-Tnejn u fis-sigħat bikrin tat-Tlieta.
Ir-Russi fetħu dan il-konflitt ġdid fid-Donbas ( li ilu s-snin bħala zona ta’ gwerra bejn il-qawwiet tal-Ukrajna u s-separatisti favur Moska) wara li l-President Russu, Vladimir Putin, kemm-il darba rrepeta l-akkużi infondati li l-qawwiet ta’ Kiev wettqu ġenoċidju fl-artijiet (Ukreni) tal-lvant fejn hemm preżenza kbira ta’ separatisti li jixtiequ unjoni mar-Russja.
//= $special ?>