Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Tielet jum mingħajr rotot umanitarji

L-Ukrajna kkonfermat li – għat-tielet jum konsekuttiv – ma kien hemm l-ebda rotot umanitarji għall-evakwazzjoni ta’ ċivili li jinsabu maqbudin f’zoni ta’ konflitt bejn il-qawwiet ta’ Kiev u s-suldati ta’ Vladimir Putin.

Is-sitwazzjoni kienet dovuta għal nuqqas ta’ qbil bejn il-Gvern Ukren u Moska, bil-Viċi-Prim Ministru tal-Ukrajna, Iryna Vereshchuk, issostni li r-Russi, fl-aħħar sigħat, kienu għaddejjin bil-bumbardamenti ħorox fuq inħawi partikulari tad-Donbas.

Dan wara li r-Russi kienu fallew fl-aħħar azzjonijiet militari intiżi biex jaħtfu l-kontroll fi Kiev.

Vereshchuk qalet ukoll li r-Russi ‘ma riedux li jiftħu rotta għall-evakwazzjoni ta’ ċivili mill-belt ta’ Mariupol’ u minkejja tamiet li dawn iċ-ċivili setgħu jsibu refuġju fl-inħawi ta’  Berdyansk. Sadanittant, komplew ‘in-negozjati diffiċli’ ma’ Moska għal aktar rotot umanitarji fir-reġjun ta’ Kherson, lejn in-nofsinar tal-Ukrajna, u fir-reġjun ta’ Kharkiv, fl-artijiet Ukreni tal-Lvant.