Il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Elliot Paul Busuttil ta’ 38 sena, residenti Ħ’Attard mixli li qatel lil Mario Farrugia u li ħeba l-katavru tiegħu wara li tah diversi daqqiet ta’ sikkina se tibda tinstema’ nhar il-Ħamis li ġej quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima.
Fl-ewwel dehra mistennija jixhdu l-Ispetturi Wayne Camilleri u Jean-Paul Attard kif ukoll ħu l-vittma f’seduta li għandha tieħu tliet sigħat. Ma kienet saret l-ebda talba minn naħa tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest tiegħu meta tressaq il-Qorti nhar il-Ġimgħa l-Kbira biex wara li nqraw l-akkużi fil-konfront tiegħu u ttieħed lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-provi se jibdew jinstemgħu fid-9am. bl-investigaturi fil-każ mistennija jibdew jixhdu u jagħtu dettalji dwar kif waslu biex jarrestaw lil Busuttil.
Kien għall-ħabta tal-5.30pm ta’ nhar il-Ġimgħa li Busuttil tressaq il-Qorti, siegħa nofs qabel ma kellhom jgħaddu 48 siegħa ta’ arrest. Huwa qed jiġi mixli b’seba’ akkużi, ta’ omiċidju, li uża arma fid-delitt, li ġarr l-arma mingħajr li taqta u bil-ponta mingħajr permess, li ħeba l-kartavru, li naqas li josserva ordni mill-Qorti tal-Maġistrati, li kiser ordni tal-Qorti Kriminali u li sar reċidiv.
Kien kmieni wara nofsinhar ta’ nhar it-Tlieta 5 ta’ April li Mario Farrugia ta’ 62 sena nstab mejjet f’bagoll ta’ karozza pparkjata fil-Wied ta’ Ħal Qormi. Huwa kien nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni. Busuttil tressaq quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. Jidher li fil-proprjeta ta’ Elliot Paul Busuttil instab demm li wara li saru tesijiet tad-DNA fuq, irriżulta li kien ta’ Mario Farrugia.
Il-Pulizija kompliet bla waqfien tinterroga erba’ persuni suspettati b’rabta mal-omiċidju u biex il-każ tagħha jkun aktar b’saħħtu għażlet li tieħu t-terminu kollu għall-investigazzjoni. Sorsi ta’ min jorbot fuqhom qalu lin-NET News li fil-konfront tat-tliet persuni li kienu qegħdin jiġu interrogati dawn ingħataw il-police bail, u sa issa kollox jindika li mhemmx provi fuqhom li kellhom rabta mad-delitt.
Il-persuni l-oħra huma żewġ nisa u Libjan. Jidher li l-Pulizija ressqet lis-suspettat ewlieni fil-qtil makabru tar-raġel minn Pembroke li nstab mejjet fil-karozza tiegħu stess. Busuttil mhux wiċċ ġdid għall-Qorti fejn qed jiffaċċa diversi kawżi pendenti fejn ħareġ f’kawżi oħra li huwa ‘junkie’ fejn jabbuża mid-droga b’mod eċċessiv.
Jidher li l-vittma kien iwassal regolarment lis-suspettat ewlieni fl-istess karozza li nstab il-katavru bla ħajja tiegħu. L-Ispetturi Wayne Camilleri, Kurt Zahra u JP Attard ħadmu u għadhom jaħdmu bla heda biex isolvu l-każ b’mod komplet. Jidher li l-provi tagħhom huma mibnija fuq filmati tas-CCTV’s u telefonati li saru u li l-possibilità hija li l-vittma, li kien meqjus bħala raġel kwiet u ta’ ftit kliem inqatel fuq self ta’ flus bil-qattiel jew qattiela ma riedux iroddu lura.
Il-pulizija għandha filmati tas-CCTV u dejta tat-telefonati li wassluhom għand is-suspettat ewlieni u tlieta oħra li jinsabu taħt arrest. Il-vittma nqatel meta spiċċa qala’ aktar minn 40 daqqa ta’ sikkina. Id-daqqiet ta’ sikkina fuq Farrugia ġew inflitti fil-qalb u fil-pulmun, li jindika li dan kien attakk frenetiku kbir, relatata aktar ma’ persuna aggressiva ħafna.
Il-vittma kellu wkoll marki ta’ sikkina fuq idejh, li kienu jindikaw li kien qed jiddefendi ruħu mill-attakk. Huwa kellu ġrieħi oħra superfiċjali li indikaw li kien ipprova jirreżisti lill-attakkant tiegħu. Huwa mifhum ukoll li wieħed mis-suspettati kien ċertu Ramzi Abdulhafid Abukem, Libjan ta’ 42 sena, wkoll magħruf sew mal-Pulizija.
Abukem li huwa ħabib ta’ Busuttil jinsab mixli li qatel raġel Libjan f’Mejju tal-2018 fil-Ħamrun u kien jinsab barra fuq pleġġ. Busuttil minn naħa tiegħu qed jiġi akkużat ukoll f’kawżi oħra fuq pussess ta’ droga bl-intenzjoni li jittraffika l-kokaina, l-eroina u cannabis. F’ħafna mill-każijiet li huwa qed jiġi mixli bihom, l-aktar dwar attentat ta’ qtil u theddid, li allegatament saru minn Busuttil dejjem tintuża sikkina.
Każ ieħor li qed jiffaċċa fil-Qorti huwa li huwa kien ċempel mara, li taħdem bħala ‘escort girl’ u stiedinha biex tmur għandu. Meta din waslet id-dar tiegħu, allegatament hija sabitu fi stat ferm ħażin minħabba d-droga li kien kkonsma u ddeċidiet li titlaq. F’dan il-ħin huwa aggrediha b’sikkina u wara tressaq il-Qorti mixli b’attentat ta’ feriti gravi.
Busuttil qed jiffaċċja akkużi wkoll li pprova joqtol raġel ieħor sentejn ilu. Fl-2020, huwa ġie mixli li pprova joqtol ċittadin Bulgaru ta’ 57 sena wara li seraqlu l-flus f’Ta’ Qali. Fl-2016, huwa allegatament kien involut fl-attentat ta’ qtil ta’ grupp ta’ bouncers f’Paceville. Hu u sħabu allegatament kienu nvoluti fi ġlieda mal-gwardjani tas-sigurtà ta’ nightclub u aktar tard irritornaw fil-post bl-armata, inkluż xabla yas-Samurai.
Sadanittant b’rabta mal-qtil f’Ħal Qormi ta’ Mario Farrugia saru tfittxijiet fi proprjetajiet f’Ħ’Attard, l-Imsida u l-Mosta. L-Avukati ta’ Busuttil huma Edward Gatt u Ishamel Psaila filwaqt li l-Avukati tal-familja ta’ Mario Farrugia huma Arthur Azzopardi u Jacob Magri. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati George Camilleri, Maria Schembri u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Wayne Camilleri, Jean-Paul Attard u Kurt Zahra.
//= $special ?>