Sport Sport Ieħor

Jirritorna l-kampjonat dinji tal-Voomquest Enemed UIM V2

Wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija tal-Covid-19 se jkun qed jirritorna fl-ibħra Maltin il-kampjonat dinji tal-Voomquest Enemed UIM V2.

Il-kampjonat se jibdew il-Ħamis 22 ta’ April bil-parata li se titlaq mill-Marsa, bid-dgħajjes se jkunu qed jgħaddu minn Tas-Sliema, Baħar iċ-Ċagħaq u Burmarrad u jtemmu f’ San Pawl il-Baħar.

Sitt timijiet se jkunu qed jipparteċipaw fi klassi V2 – El Diablo, Cutting Edge, Freccia Blu, Interceptor Reamx, Team Marine Diffusio, Team MIPSS. It-timijiet se jkun qed jirrappreżentaw tliet nazzjonijiet – Malta, l-Ingilterra u Franza.

Minbarra l-Klassi V2 se jsiru wkoll tiġrijiet Klassi Cyber għall-klassi iżgħar, b’ħames timijiet Maltin mistennija jipparteċipaw.

“Hemm ħafna stennija, mhux biss mis-sewwieqa iżda wkoll mid-dilettanti li ilhom jistennew sentejn biex igawdu l-azzjoni lli toffri l-Voomquest” spjega Aaron Ciantar, il-fundatur tal- Voomquest. “Li ma jkollokx kompetizzjonijiet għal sentejn ma kienx faċli speċjalment għat-timijiet iżda huma kollha ħerqana biex jerġa jingħata bidu, għalhekk ninsabu fiċ-ċert li fi tmiem il-ġimgħa ser jkollna spettaklu mill-aqwa.”