Sudaniż ta’ 22 sena ġie kkundannat seba’ xhur ħabs mill-Maġistrat Victor Axiak wara li ammetta li pprova jaħrab minn Malta lejn l-Italja fuq bastiment. Huwa ammetta li wettaq dan ir-reat bla dokumenti. Yusuf Yahya Mustafa ammetta li fl-14 ta’ April ta’ din is-sena għall-ħabta tal-4.30pm tela fuq il-bastiment fit-terminal tal-vapuri, l-Marsa u staħba fil-garaxx tal-bastiment.
Mill-provi li ħarġu mill-Qorti rriżulta li l-ekwipaġġ induna bih hekk kif il-vapur kien diġa salpa minn Malta fi triqtu lejn l-Italja u nżamm fuqu sakemm wasal lura it-Tnejn, 18 ta’ April u ġie arrestat. L-iSpettur Hubert Gerada qal li s-Sudaniż ikkopera mal-Pulizija u ma kellu l-ebda dokumenti.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Martin Fenech qal lill-Qorti li fid-dawl tal-koperazzjoni tal-imputat, il-fatt li l-għan tiegħu kien biss li jkollu futur aħjar u li għandu kondotta nadifa, huwa għandu jingħata piena fil-minimu tagħha. Gerada qal ukoll lill-Qorti li ma’ Mustafa kien hemm persuna oħra li kellha l-ħsieb li taħrab miegħu iżda dan fl-aħħar ħinijiet beża’ u ddeċieda li jibqa’ Malta. Qal ukoll li l-individwu wasal Malta f’Ġunju tal-2021 u nħeles mid-detenzjoni u beda jgawdi minn kull benefiċċju f’ Malta.
Musafa ammetta wkoll li naqas li jagħti nformazzjoni lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni u pprova jaħrab minn Malta mingħajr il-kunsens tas-sid tal-kaptan tal-vapur . Wara li l-Qorti tagħtu ċans jaħsibha u wissietu li ammissjoni iġġorr magħha potenzjalment piena ta’ priġunerija, l-immputat ikkonferma l-ħtija tiegħu. Wara li semgħet it-trattazzjoni dwar il-piena l-Qorti kkundannatu seba’ xhur priġunerija.
//= $special ?>